Il-programmi operattivi b’rabta mal-fondi Ewropej sal-2027 li jammontaw għal €2.2 biljun, se jwasslu biex l-aspirazzjonijiet tal-lum isiru realtà fil-ġejjieni.
Dan intqal miċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, David Xuereb. F’kummenti lil ONE News, huwa qal li l-MCESD, li jiġbor fih lir-rappreżentanti tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem, se jkun essenzjali biex dawn il-fondi jkunu investiti għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.
“Naħseb li m’hawn l-ebda mejda iktar ideali biex dawn il-ħsibijiet, dawn il-kontribuzzjonijiet ta’ rieda tajba fil-pajjiż kollu, jiġu fuq il-mejda tal-MCESD propjru biex flimkien, bl-iktar mod intelligenti, naraw kif dawn il-flus, li huma tagħna, jintefqu biex jottjenu dawk l-aspirazzjonijiet, dawk l-ambizzjonijiet li kollha kemm aħna mhux biss xtaqna, imma aħna rridu. Dan aħna nagħmluh biex naċċertaw illi ngawdu mhux biss aħna f’dawn is-seba’ snin li ġejjin – in-nies li qed ngħixu llum – imma biex inkunu ċerti u responsabbli wkoll għall-aspirazzjonijiet ta’ ġenerazzjonijiet futuri.”
Iċ-Chairperson tal-MCESD innota b’sodisfazzjon il-pjan li fih dawn il-programmi operattivi, li se jinkludi proġetti kbar li se jwasslu lill-pajjiżna għal futur.
“Fost oħrajn, il-focus kien fuq l-enerġija rinnovabbli, fuq l-industrija l-ħadra, fuq is-sostenibilita, fuq is-saħħa mentali, fuq l-interconnector, fuq ħafna aspestattivi li ċ-ċittadin ġeneralment għandu.”
Il-Perit David Xuereb qabel ma’ appell li għamlet il-Kummissarju Ewropea għall-Koeżjoni, Elisa Ferreira, waqt iż-żjara tagħha f’Malta.
“Filwaqt li rajna kif dawn il-flus nixtiequ li jintefqu, rajna wkoll concern mill-Kummissarju Ewropew tad-differenza bejn ix-xewqat u l-azzjoni. Naħseb illi kull min hu ta’ rieda tajba, kull ċittadin li huwa ta’ rieda tajba, għandu interess illi jgħin lill-Gvern biex dawn il-flus nonfquhom b’mod ekwu u b’mod responsabbli.”
Dan l-akbar pakkett ta’ fondi għal pajjiżna ġie nnegozjat mill-gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela fis-sajf tal-2020. Dan il-pakkett huwa aktar mid-doppju ta’ kemm kien ġie nnegozjat minn gvern Nazzjonalista.