Il-pakkett rekord ta’ fondi Ewropej li nnegozja b’suċċess il-Gvern mal-Unjoni Ewropea għas-seba’ snin li ġejjin se jfisser aktar għajnuna lis-settur agrikolu.
Dan hu kliem il-bidwi u raħħal Silvan Abela, li qasam fehmtu ma’ ONE News dwar l-investiment massiċċ li hemm iddedikat għas-settur li jaħdem fih.
Fil-fatt, fit-tnedija tal-programmi operattiv marbuta mal-Fondi Ewropej li jammontaw għal €2.2 biljun, ġie spjegat li s-settur agrikolu għandu ddedikati għalih investiment ta’ €167 miljun.
Silvan Abela, li huwa sid ta’ razzett tal-baqar, qal li l-fondi se jgħinu għall-provvista u l-ħażna tajba tal-ikel f’dan il-perjodu ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent. Ikkummenta wkoll li dan il-fond se jkun qed jgħin biex raħħala u bdiewa jixtru makkinarju aktar sostenibbli. Se jgħin ukoll biex aktar żgħażagħ jidħlu f’dan is-settur.
“Għajnuna li tgħin ħafna lill-bdiewa, il-miżura 4.1, allaħares ma kinitx hi, ma konniex naslu fejn wasalna, J’Alla tibqa’ dejjem għaddejja għax għajnuna li tgħin ħafna u importanti ħafna għalina.”
Apparti r-razzett tal-bhejjem, Silvan u familtu għandhom ir-raba’ li fih jiżirgħu l-patata. Fil-fatt, ta’ kull sena huma jesportaw aktar minn mitejn u ħamsin tunnellata ta’ patata Maltija lejn l-Olanda.
Il-manteniment tal-produzzjoni tar-razzett u l-għelieqi, ikollu bżonn manutenzjoni u makkinarji kbar apposta u l-Fondi Ewropej iservu ta’ spalla finanzjarja għalihom.
“Biex tirranġa r-razzett u l-affarijiet tiegħek għall-esportazzjoni u kollox, u tara xi jkun hemm bżonn li tagħmel biex timxi ’l quddiem. Hawnhekk nagħmlu ħalib, patata għall-esportazzjoni, u laħam taċ-ċanga.”
Apparti mill-Fondi Ewropej, ir-raħħala u bdiewa Maltin u Għawdxin jibbenefikaw ukoll minn Fondi Nazzjonali li ta’ sikwit joħroġ il-Gvern permezz ta’ skemi finanzjarji differenti.