Il-pakkett ta’ fondi Ewropej li jlaħħaq iż-żewġ biljun u mitejn u ħamsin miljun ewro intlaqa tajjeb anki mill-imsieħba soċjali u l-korpi kostitwiti.
Ma’ dan l-istazzjon il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija Daniel Borg tkellem dwar kif pajjiżna ġab dawn il-fondi kollha fi żmien fejn id-dinja kollha kienet fi żmien ta’ kriżi.
Laqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li għaxra fil-mija tal-fondi Ewropej se jkunu speċifikament għal gżira tat-tliet għoljiet.
“Aħna qed naraw li dawn il-fondi jistgħu jagħtu dik id-direzzjoni lil ekonomija għawdxija biex tkompli tiddersifika l-ekonomija b’setturi oħra. U jkompli ma proġetti infrastrutturali importanti li saru fl-aħħar snin. tipo id-Digital Innovations Hub u l-Fibre Optic link.” Stqarr Borg.
Min-naħa tagħha, id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-iżviluppaturi Marthese Portelli fissret il-potenzjal li dawn il-fondi għandhom sabiex jagħmlu l-industrija tal-iżvilupp u dik tal-ambjent jaħdmu iktar id f’id.
“Defenittivament illi dal-baġit ukoll se jkun qiegħed jgħin il-Malta biex l-ekonomija tal-pajjiż tkompli timxi l-quddiem pero bħala industrija rajna ukoll ħarisna b’mod speċifiku lejn il-baġit li huwa iffukat fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni. Hawnhekk hawn potenzjal kbir fejn is-settur tagħna jista jiena ngħid hekk jiġi mgħejjun biex ikun iktar green.” Sostniet Portelli.
Stqarr kummenti pożittivi ukoll il-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb li rrimarka li pajjiżna se jkun qed jirċievi pakkett iżjed b’saħħtu minn seba’ snin ilu.
“In-NET receivable tagħna ovvjament huwa wieħed li baqa jikber fuq snin oħrajn, fuq blocks ta’ snin oħrajn. Għallura bħalissa aħna ir-reazzjoni tagħna hija waħda mhux biss ta’ stennija imma għal ippjanar ta’ kif is-sena d-dieħla 2021 nibdew norganizzaw biex dawn il-flus, dawn l-ispejjeż jibdew jintefqu b’mod serju u sostennibli ta’ resiljenza.” Spjega Xuereb.