Il-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, esprimiet id-diżappunt tagħha fi stqarrija, għall-kummenti li għamel ir-rappreżentant tal-Gvern Taljan, Vittorio Sgarbi, b’rabta mal-estensjoni tal-Kon-Katidral fil-kapitali Maltija.
Il-mużew tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann se jinkludi 29 tapizzerija, f’sala waħda, u b’hekk se jkun elenkat mal-viżjoni li kellu oriġinarjament, il-Gran Mastru Perellos, meta ordna dawn l-arazzi.
Iċċarat li dan il-proġett se jara r-restawr u l-kostruzzjoni ta’ wieħed mill-aktar monumenti storiċi li għandu pajjiżna.
Il-Fondazzjoni, waqt il-proċess tat-tfassil u l-approvazzjoni ta’ dan il-proġett, għamlet diversi taħditiet, ma’ stakeholders varji, fosthom dawk fl-oqsma tal-ippjanar, l-istorja, it-trasport, u l-awtoritajiet.
Il-permessi uffiċjali, kienu suġġetti għal diversi skrutinji, anke minn espert inkarigat mill-UNESCO, li ppropona xi ideat, li ġew inkorportati wkoll f’dan il-proġett.
Il-Fondazzjoni żiedet tgħid, li dak kollu li sar fuq l-istrutturi eżistenti, sar b’kawtela, u frott ta’ ħafna riċerka.
Dan il-mużew se jinkludi wkoll spazju għal diversi kollezzjonijiet, kif ukoll għaċ-Ċentru Caravaggio, li se juri l-ħajja ta’ dan l-artist f’pajjiżna.
Il-proġett huwa maħsub ukoll biex itaffi l-influss ta’ nies li ta’ kuljum iżuru l-Kon Katidral.