Is-sena l-oħra, il-Fondazzjoni Sebħ, li twaqqfet mill-Knisja f’pajjiżna fl-1956, nefqet żewġ miljuni u erba’ mitt elf ewro f’servizzi biex tkun raġġ ta’ tama għal persuni vulnerabbli fis‑soċjetà, fosthom tfal u familji, kif ukoll nisa li qed joħorġu jew ħarġu miċ‑ċirku tal‑vjolenza domestika.
Parti sew minn dan l-iffinanzjar jiġi minn sħubija li l-fondazzjoni għandha mal-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet it-Tnejn filgħodu, ġie spjegat kif madwar miljun u tmin mitt elf ewro miż‑żewġ miljuni u erba’ mitt elf ġew allokati biex jiġu mgħejjuna tfal li jgħixu fid‑djar residenzjali tas-Sebħ, b’nefqa medja ta’ madwar €45,500 għal kull tifel u tifla.
Dan wassal biex 48 tifel u tifla, li jgħixu f’waħda mill‑erbat idjar residenzjali – Dar Fra Diegu, Dar San Nikola, Dar Sagra Familja u Dar Santa Tereża – jikunu jistgħu jikbru f’ambjent li joffri sigurtà, dinjità, imħabba u għożża.
Id‑Direttur tas-Sebħ, Yvonne Mallia, tenniet li hu mbassar li l-fondazzjoni għandha bżonn madwar €3 miljun sal‑aħħar ta’ din is‑sena biex tkompli tkopri dawn is-servizzi.
Intqal li sal‑aħħar ta’ din is-sena hu stmat li n‑nefqa għal kull tifel u tifla se tiżdied b’€19,000 b’żieda fl‑ispejjeż tal‑operat u fl‑impjegati biex joffru attenzjoni individwali u speċjalizzata lit‑tfal.
Mallia kompliet tgħid li, fl-aħħar snin, l‑għajnuna mogħtija mill‑Istat, permezz tal-Ministeru għall-Politika Soċjali, wasslet biex il-Fondazzjoni Sebħ evolviet milli toffri kura istituzzjonalizzata għal ambjent aktar personalizzat.
Illum, it‑tfal jgħixu fi gruppi iżgħar u f’appartamenti maħsubin biex joffru ambjent ta’ familja.
“Tfal li jgħixu f’ambjenti iżgħar, konnessjoni mal-aħwa tagħhom, servizzi li huma bbażati fuq riċerka, servizzi anke fix-xelter fejn nagħtu ħafna importanza lil nies li għaddew minn trawma u dawk kollha fil-komunità fejn nagħtu servizzi ħalli mhux biss inwasslu il-valur tal-imħabba, mhux biss nuru lil dawn in-nies li huma importanti u jixirqilhom ħajja ta’ dinjità, imma nwassluha aħna dik il-ħajja ta’ dinjità.”
YVONNE MALLIA
Is-Sebħ tagħti wkoll sapport lill‑familji permezz tal-programm ‘Il‑Milja’, li jgħin lil nisa u wliedhom li jridu jsibu kenn minħabba raġunijiet varji.
Fl‑2023, dan is‑servizz ingħata lil 39 persuna, 17‑il mara u 22 minuri, u ammonta għal €415,000.
Matul l‑aħħar sentejn, 30 familja ngħataw l‑appoġġ meħtieġ biex jindirizzaw esperjenzi diffiċli li għaddew minnhom u l‑bżonnijiet psikosoċjali tagħhom.
Dun Martin Micallef, li għandu kemm inħatar Vigarju Episkopali għad-Djakonija, irringrazzja lill‑benefatturi u lill‑poplu għall‑ġenerożità tiegħu.
“Il‑Knisja f’Malta hi kommessa li tkompli tissaportja l-ħidma siewja li qed tagħmel biex tkompli twassal il-messaġġ ta’ Ġesù li għandna nkunu qrib u nissaportjaw lil dawk fis-soċjetà li għandhom bżonn l-appoġġ tagħna.”
MARTIN MICALLEF