Matul l-aħħar għaxar snin, il-Fondazzjoni RISe kienet minn ta’ quddiem sabiex toffri programm ta’ rijabilitazzjoni b’mod ħolistiku u sħiħ lir-residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li jkunu waslu lejn l-aħħar tas-sentenza tagħhom.
Il-Fondazzjoni topera minn dar residenzjali fil-Belt Valletta, fejn tilqa’ sa għaxar persuni li jkunu waslu biex itemmu s-sentenza tagħhom.
Sa mill-bidu tagħha, l-għan tal-Fondazzjoni Rise kien li dawn il-persuni jagħmlu programm ta’ rijabilitazzjoni u b’hekk tkun aktar faċli għalihom biex jintegraw mill-ġdid fis-soċjetà. Dan isir billi jingħataw għajnuna professjonali biex joħorġu l-elementi li jkunu wassluhom għall-kriminalità u ma jerġgħux jaqgħu f’dan iċ-ċirku. Huma jkollhom kuntatt mad-dinja ta’ barra, l-ewwel b’ħidma volontarja u wara fid-dinja tax-xogħol.
Waqt konferenza fl-okkażjoni tal-għaxar sena tal-Fondazzjoni RISe, dawk preżenti ġew ippreżentati b’dak li qed isir f’pajjiżna vis-à-vis i-ġustizzja kriminali, b’enfasi fuq il-ġustizzja restorattiva.
Il-Fondazzjoni spjegat ix-xogħol li jsir matul is-sena fil-qasam tar-rijabilitazzjoni u r-ri-integrazzjoni tal-priġunieri.
Yanika Tabone, forensic psychology practitioner mal-Fondazzjoni RISe, semmiet kemm huwa importanti l-fatt Ii l-Fondazzjoni taħdem bi programm fil-komunità, u mhux fil-ħabs.
“Ħaġa importanti u unika fil-programm tagħna hija li l-programm jaħdem fil-komunità. Mhux post fejn in-nies naqtgħuhom barra mis-soċjetà imma huwa post fejn bniedem ngħinuh jikseb ħiliet ġodda u skills ġodda. Però, fl-istess waqt, qed jipprattikahom kuljum fis-soċjetà. Id-dar tagħna hija bħal kwalunkwe dar oħra li tara fil-komunità u b’hekk in-nies qed turihom li, ‘Int tagħmel parti mill-komunità’. B’hekk issir rijabilazzjoni sħiħa u ri-integrazzjoni lura fis-soċjetà b’mod ħolistiku ħafna.”
Ic-Chairperson tal-Fondazzjoni RISe, Charlie Mifsud, qasam magħna l-ħsibijiet tiegħu dwar it-triq ’il quddiem tal-Fondazzjoni RISe.
“Il-futur tal-Fondazzjoni RISe huwa djar iżjed fil-komunità. Wara din id-dar, allura, issa qegħdin naħdmu fuq dar oħra fejn hemmhekk ser nkunu qed inservu l-kunċett tan-nisa u eventwalment anki djar oħra b’kunċetti oħrajn, dejjem bil-kuntest fejn tidħol il-kriminalità.”