Il-Fondazzjoni Richmond toffri 11-il servizz ta’ tama waqt żminijiet ta’ sfidi ta’ saħħa mentali, speċjalment għal dawk li m’għandhomx il-mezzi biex ifittxu l-għajnuna professjonali.
Studju tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa juri li f’pajjiżna madwar 120,000 persuna għandhom sfidi ta’ saħħa mentali.
Minkejja l-għajnuna li jagħtuha kemm il-Gvern kif ukoll is-settur privat, il-Fondazzjoni teħtieġ madwar €400,000 fis-sena sabiex tkompli bl-operat tagħha.
Id-domanda għal dan is-servizz qiegħda kull ma jmur tiżdied. Ċifri tal-Fondazzjoni juru li din is-sena d-domanda permezz tat-telefonati żdiedet b’aktar minn sitt darbiet filwaqt li d-domanda għat-terapija kważi rduppjat, meta mqabbel mas-sena 2019.
TELEFONATI
2019: 1,080
2022 (stima): 7,800
ŻIEDA: 622%
SERVIZZ TAT-TERAPIJA
2019: 3,814
2022 (stima): 7,664
ŻIEDA: 100%
Min-naħa l-oħra, id-domanda għas-servizz taċ-chat kibret b’ madwar 57 fil-mija, filwaqt li d-domanda għal interventi qosra rat żieda ta’ 95 fil-mija meta mqabbel mas-sena l-oħra.
SERVIZZ TA’ GĦAJNUNA BIĊ-CHAT
2021: 2,170
2022 (stima): 3,400
ŻIEDA: 57%
INTERVENTI QOSRA
2021: 654
2022 (stima): 1,278
ŻIEDA: 95%
Intant, il-Fondazzoni Richmond nediet l-Inizjattiva ‘Gift for Hope’, b’appell lill-pubbliku biex jgħin dan l-għan nobbli sabiex il-fondazzjoni tibqa’ tkun ta’ spalla għal bosta.
Tkellimna mal-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni, Stephania Sant Dimech, li spjegat kif biex il-Fondazzjoni tibqa’ tgħin, din tiddependi mill-ġenerożità tal-pubbliku.
“Sabiex aħna ngħinu, aħna wkoll għandna bżonn l-għajnuna. Għandna bżonn id-donazzjonijiet tal-pubbliku, tal-kumpaniji. Żmien il-Milied huwa żmien fejn il-Maltin ikunu ġenerużi ħafna, permezz tal-ġenerożità tal-pubbliku, aħna nistgħu nilħqu ħafna aktar nies illi għandhom bżonn it-tama f’mument diffiċli.”
Bħala parti minn din l-inizjattiva, bosta personalitajiet Maltin ukoll qasmu l-istejjer tagħhom dwar l-isfidi ta’ saħħa mentali li huma għaddew minnhom, sabiex iħeġġu lill-pubbliku biex jgħin u lil dawk bi problemi ta’ saħħa mentali biex jirrikorru għal dawn is-servizzi.