Hekk kif il-Fondazzjoni Richmond se tagħlaq tliet diċenji ta’ ħidma fil-qasam tas-saħħa mentali, it-tema magħżula għall-konferenza annwali ta’ din is-sena hi ‘From Stigma to Strength’ – Celebrating 30 Years of Mental Health Advocacy’.
Din it tema hi sinonima mal-missjoni ewlenija tal-fondazzjoni li tappoġġi l-individwi li għaddejjin minn sfidi tas-saħħa mentali b’mod partikolari.
Il-konferenza ta’ ġurnata se ssir fil-21 ta’ Novembru f’Villa Arrigo, fin-Naxxar, mit-8.30 a.m. ’il quddiem, bis-sehem ta’ esperti internazzjonali u Maltin li se jiddiskutu l-impatt tas-saħħa mentali u strateġiji għall-benesseri tal-individwi fuq il-postijiet tax-xogħol.
Fost dawn jinkludu lill-Kap Eżekuttiv tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali, Dr Stephanie Xuereb, il-President tal-Global Alliance for Mental Illness Advocacy Networks Europe (GAMIAN-Europe), Peter Kéri, id-Direttriċi tal-Education Neuroscience Hub, Dr Erika Galea, u Richard Walsh minn ReThink Mental Health UK.
Filwaqt li tikkonċentra fuq dawn l-aspetti, il-konferenza għandha wkoll l-għan li tqajjem kuxjenza u tipprovdi soluzzjonijiet prattiċi biex jinħolqu postijiet li jinkoraġixxu saħħa mentali b’saħħitha.
Daniela Calleja Bitar, Aġent Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni, qalet li l-konferenza se tfittex li toħloq pjattaforma inklussiva għat-tagħlim, qsim ta’ esperjenzi u trawwim ta’ kollaborazzjoni fi ħdan il-komunità biex b’hekk tagħti tama lil dawk għaddejjin minn dawn il-problemi.
Għal aktar informazzjoni tinkiseb bit-telefown fuq 21669150 jew b’imejl fuq info@richmond.org.mt.