Disgħa u għoxrin sena ilu, f’Mejju tal-1993 twaqqfet il-Fondazzjoni Richmond li l-għan tagħha huwa li toffri għajnuna lil dawk il-persuni li jkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet li jlaqqgħuhom ma’ problemi ta’ saħħa mentali.
Ftit ġranet ilu, fid-19 ta’ Diċembru, il-Fondazzjoni Richmond kompliet iġġedded ftehim mal-Ministeru tal-Politika Soċjali għall-programm KIDS li huwa servizz residenzjali għat-tfal ta’ bejn is-seba snin u tlettax –il sena li jkollhom imgieba diffiċli.
Dan huwa wieħed biss mis-servizzi li l-Fondazzjoni Richmond toffri lil Pubbliku. Fost dawn hemm servizzi oħrajn li l-pubbliku jista jirrikorri għalihom f’ każijiet ta’ diffikultajiet emozzjonali.
One News żar lill-Fondazzjoni Richmond fejn iltqajna mal-Kap Eżekuttiv Stephania Dimech Sant fejn tlabniha tgħidilna aktar dwar is-servizzi li joffru lill-persuni li jkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli speċjalment waqt dawn il-ġranet ta’ festi.
Qalet, “Hekk hu nafu li hawn min qed ibati tul dawn iż-żminijiet. Richmond qegħda hemm permezz ta’ żewġ servizzi ewlenin, il-helpline freephone 1770 fejn dak li jkunu jista’ jċempel biex isib min jisimgħu, jiggwidah, u anki jekk hemm bżonn jiltaqgħu miegħu biex jara x’diffikultajiet u kif jista’ jgħinu. Hemm ukoll olly.chat, illi huwa servizz professjonali fejn dak li jkun jista jibgħat messaġġ u jirċievi risposta lura. Dan popolari maż-żgħażagħ, illi forsi jkunu qegħdin jesperjenzaw solitudni jew forsi għaddejjin minn xi diffikultajiet.”
Il-Fondazzjoni Richmond biex tkun tista tkompli tkun ta’ ġid, għandha bżonn l-għajnuna finanzjarja, Dimech Sant tatna ħjiel ta’ kif wieħed jista jagħmel dan.
Stqarret, “Richmond għandha bżonn l-għajnuna biex tkompli tagħti t-tama, dak li jkun ikun jista jagħtina donazzjoni biex jgħinna nkompli għaddejjin bis-servizzi professjonali jidħol fil-website, www. Richmond.org.mt’. Nirringrazzjawhom minn quddiem.