Il-Fondazzjoni OASI, li taħdem mill-qrib ma’ persuni vittmi tad-droga, ippubblikat sensiela ta’ suġġerimenti li għandhom l-għan li jsaħħu r-riforma li qed tiġi proposta attwalment mill-Ministeru għall-Ġustizzja.
Fl-aħħar jiem ukoll għalaq il-perjodu għal konsultazzjoni pubblika dwar is-suġġett fejn jirriżulta li ddaħħlu għadd konsiderevoli ta’ suġġerimenti biex is-sistema tkun aktar effettiva u ġusta ma’ dawk li jaqgħu vittmi tal-abbuż ta’ sustanzi illeċti.
Dan bil-maqlub tal-parir li għadda l-Kap tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, Bernard Grech, li kien qal li l-White Paper imressqa għandha biss tintrema.
Fis-suġġerimenti tagħha, l-OASI, li ilha topera fis-settur mill-1991 u timpjega diversi professjonisti b’dixxiplini differenti, ressqet għadd ta’ suġġerimenti għax, fi kliemha, “is-sistema ġudizzjarja taħdem meta mħaddma minn persuni li huma professjonali u jħaddmu l-etika tal-professjoni tagħhom.”
Bħala xhud tal-bidla li seħħet u għadha sseħħ fl-użu tas-sustanzi f’pajjiżna, kemm fit-tipi differenti jew il-qawwa tagħhom u fil-mod kif jiġu abbużati, l-OASI temmen li l-membri tal-bord, li jevalwaw il-każi individwali, għandhom ikunu esperti fil-vizzji u li jkunu ġejjin minn dixxiplini differenti, bħal psikjatri, ħaddiema soċjali, psikologi, kriminologi u esperti legali, biex b’hekk ikunu jistgħu jħarsu lejn il-persuni mressqin quddiemhom b’mod ħolistiku.
Tenniet li ma teskludix ukoll li, fuq il-bord, jitpoġġew persuni li kellhom problemi simili fil-passat u ilhom numru ta’ snin riabilitati.
Qalet li, meta l-membri tal-bord minn erbgħa jiżdiedu għal sebgħa, il-bord jakkwista aktar awtonomija u flessibilità biex imexxi il-każi li jiġu quddiemu, waqt li l-membri m’għandhomx lanqas ikunu impjegati minn min qed joffri s-servizzi ta’ terapija.
OASI kompliet li, biex bniedem jgħaddi quddiem il-Qorti tad-Droga, wieħed irid juri li għandu vizzju u jeżistu kriterji universali li jindikaw dan b’mod ċar. Enfasizzat li l-purità tas-sustanza għandha wkoll tkun użata bħala indikatur ta’ traffikar u l-livell ta’ traffikar li l-persuna qed teżerċita.
“Intennu li l-Qorti għandha tikkonsidra kull każ, skont il-merti tiegħu, u ma jfissirx li l-Qorti m’għandhiex timponi xi forma ta’ piena li sservi ta’ riparazzjoni lejn il-vittmi u lejn is-soċjetà,” qalet il-Fondazzjoni fir-riflessjonijiet tagħha, waqt li qalet li r-riparazzjoni, skont il-każ, hi ukoll parti mir-riabilitazzjoni.
Minkejja dan, qalet li meta persuna tiddaħħal il-ħabs, il-proċess tal-ħajja tagħha jinbidel ta’ taħt fuq. Għall-persuna li għandha problema ta’ addiction, li tkun waqfet mill-użu, u terġa’ tiddaħħal il-ħabs fuq każ, għandha aktar possibbiltà li titqiegħed f’riskju kbir li terġa’ taqa’ u l-investiment li jkun sar f’dik l-persuna jintilef.
Dwar il-liġi proposta, l-OASI tenniet li meta l-liġi timxi strettament ma’ limiti, awtomatikament tkun inġusta ma’ xi wħud. Saħqet dwar il-bżonn li l-Qorti tikkonsidra kull każ skont il-kriteji tiegħu biex tiżgura ġustizzja, waqt li għandu jkollha l-faċilità li teżerċita sentenza ta’ ħabs sospiża għal dawk il-każi marbutin mad-droga, b’mod dirett jew indirett, li ma jidhrux quddiem il-Qorti tad-Droga.