Il-Fondazzjoni Marigold, f’kollaborazzjoni mal-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, se tkun qed tagħti bidu għas-servizz ta’ Oncology Outreach bil-għan li dan is-servizz jasal fil-kumdità tad-djar ta’ min għandu bżonn.
F’konferenza, indirizzata miċ-Chairperson tal-Marigold Foundation u mexxejja tal-Pink October Movember Campaign, Michelle Muscat, tħabbar li persuni li jinstabilhom il-kanċer se jkunu qed igawdu minn servizzi ta’ trattament fid-dar, fejn hu possibbli, b’valutazzjonijiet ħolistiċi tal-ħtiġijiet u l-isfidi tal-pazjenti, terapiji u proċeduri ta’ appoġġ għall-onkoloġija, teħid ta’ kampjuni tad-demm, u pariri fiżiċi, emozzjonali, nutrittivi u psikoloġiċi lill-pazjenti bil-kanċer u l-familji tagħhom.
Sadanittant tħabbar ukoll li fil-kampanja nazzjonali Pink October Movember is-sena li għaddiet inġabru mas-sebgħin elf ewro, waqt li tqassmu wkoll fondi lil bosta NGOs, fosthom Europa Donna Malta, Action for Breast Cancer, Hospice Malta, Puttinu Cares, Karl Vella Foundation, Smiling with Jerome Foundation u Europa Uomo.
F’kumment ma’ ONE News, iċ-Chairperson tal-Marigold Foundation Michelle Muscat saħqet kif se jkun qed jaħdem dan il-proġett.
“Illum qed inħabbru li ħa nagħmlu dan il-proġett fil-komunità flimkien mal-isptar SAMOC fejn permezz ukoll tan-nurses se nkunu nistgħu ngħinu lill-pazjent fid-dar fejn jidħol ċertu trattamenti”.
Michelle Muscat – Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold
Appellat ukoll l-importanza li kulħadd jagħmel it-testijiet neċessarji biex jilqa’ mill-aktar fis possibbli mill-eventwalità ta’ xi marda tal-kanċer.
“Ħames kanċers li huma komuni ħafna. Hemm oħrajn inqas komuni. Bħalissa aħna wkoll, bħala għaqda, qegħdin nitkellmu dwar mard u kanċers rari wkoll, però fejn hemm affarijiet li nistgħu nagħmlu, speċjalment fuq dawn il-ħames kanċers, nistgħu nagħmlu ċ-check-ups, niċċekkjaw lilna nfusna, nistgħu nagħmlu t-testijiet – ejjew ma niddejqux nagħmluhom u ma ninsewx nagħmluhom u nagħmluhom is-sena kollha.”
Michelle Muscat – Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold
F’interventi li għamlu, Dr Danica Marmara, Direttur ta’ Cancer Pathways, Dr Nick Refalo, Clinical Chair tal-Isptar tal-Onkoloġija, u l-Ġinekologu Dr Kristelle Von Brockdorff, ilkoll ħadu l-opportunità jsostnu l-importanza ta’ dan is-servizz u tal-kampanja nnifisha li qed teduka u tqajjem kuxjenza akbar fost il-pubbliku.