Mal-bidu ta’ Ottubru bdiet il-kampanja Pink October- Movember li qed titmexxa mill-Fondazzjoni Marigold, bil-għan li titqajjem aktar kuxjenza dwar tipi differenti ta’ kanċer li jaffettwaw lin-nisa u l-irġiel.
Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Michelle Muscat spjegat ma’ ONE News li din is-sena se tingħata attenzjoni partikolari wkoll lill-kanċer tal-ovarji u tal-għonq tal-utru, kif ukoll il-kanċer tal-prostata u tat-testikoli fl-irġiel.
Tul il-kampanja se jintwerew filmati edukattivi dwar kif persuna tista’ tiċċekkja lilha nnifisha fil-privatezza ta’ darha għal ċertu tip ta’ kanċer, u fuq kollox l-importanza ta’ monitoraġġ kontinwu fuq saħħitna ta’ kuljum. Dawn il-messaġġi u filmati se jkunu disponibbli wkoll fuq il-midja soċjali tal-Fondazzjoni u tal-kampanja. Muscat qalet li ‘wara kull kampanja nagħmlu wkoll studju tagħna biex naraw kif morna u fuq xiex irridu nibqgħu naħdmu. Għalhekk il-kampanja tibqa’ tiżviluppa. Huwa importanti li l-ġenerazzjoni li qed tikber titgħallem iddaħħal id-drawwa li niċċekkjaw lilna nfusna, li nkunu nafu ġisimna kif jaħdem u x’inhu normali għalih, x’mhux normali għalih. Biex aħna jekk insibu xi ħaġa differenti, nitkellmu mal-ewwel u nkunu nistgħu nieħdu l-kura li hemm bżonn’.
ONE News tkellem ukoll ma’ Clare Busuttil, pazjenta li ġġieldet il-marda tal-kanċer, u taf kemm tagħmel differenza li wieħed jiċċekkja lilu nnifsu u jkun jaf x’inhuma s-sintomi tal-mard. Hija qalet li ‘għalkemm għandna bżonn nieħdu ħsieb lilna nfusna mill-Covid-19, irridu nibqgħu niċċekkjaw lilna nfusna u nsegwu l-kampanja, għaliex dejjem titgħallem xi ħaġa. Qatt ma taf biżżejjed’.
Int ukoll tista’ tagħti donazzjoni billi:
- Tibħat messġġ fuq 50610238 għal donazzjoni €11.65;
- Iċċempel fuq 51702052 għal donazzjoni ta’ €15, jew fuq 51802053 għal donazzjoni ta’ €25, jew
- Tuża mobile pay fuq 99912373 għal donazzjonijiet li jlaħħqu l-€500.