Għal sena oħra, il-Fondazzjoni Marigold nediet il-kampanja ta’ Pink October u Movember. Dan minkejja l-ixkiel li affaċjaw numru ta’ għaqdiet mhux governattiv fil-dawl tal-pandemija.
Fi stqarrija l-fondazzjoni spjegat li din is-sena l-kampanja Pink October ser tiffoka b’mod speċjali fuq kanċer tas-sider metastiku li rarament jiġi diskuss f’pajjiżna.
Il-kampanja ser tkopri wkoll tipi ta’ kanċer tan-nisa differenti fost oħrajn bħall-kanċer tal-għonq tal-utru.
L-irġiel mhumiex minsija lanqas hekk kif din is-sena waqt Movember, l-irġiel ser ikunu mħeġġa jitgħallmu aktar dwar il-kanċer tal-prostata u tat-testikoli.
F’konferenza tal-aħbarijiet, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold, Michelle Muscat spjegat li permezz ta’ diversi attivitajiet mifruxin fuq ix-xhur ta’ Ottubru u Novembru, il-Fondazzjoni ser tkompli tħeġġeġ u teduka lill-pubbliku sabiex jiċċekkjaw lilhom infushom b’mod regolari.