F’għeluq it-tmien anniversarju mit-twaqqif tal-Fondazzjoni Marigold, tnediet l-ewwel kampanja ta’ għarfien dwar il-qalb filwaqt li ngħatat magna state of the art għad-Dipartiment tal-Kardjoloġija fl-Isptar Mater Dei.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-Isptar Mater Dei hekk kif ġie spjegat li din il-magna Echocardiogram toffri ritratti u viżiv avvanzat tal-qalb. Dan filwaqt li tidentifika wkoll bidliet minimi fl-ippumpjar tal-organu fl-ewwel stadji tiegħu.
Fl-istess konferenza tkellem fost oħrajn il-Kardjologu Robert Xuereb li sostna l-importanza ta’ din il-magna u dan l-għarfien hekk kif huwa stmat li kull sena, l-attakki tal-qalb joqtlu 1,000 persuna f’pajji\na.
Spjega wkoll kif il-magna mogħtija llum se tgħin biex tipprevjeni u tittratta l-konsegwenzi kardjovaskulari tat-terapija tal-kanċer. Fil-fatt din se tintuża fil-klinika tal-Kardjo-Onkoloġija li twaqqfet riċentament.
Preżenti, iċ-Chairperson u Ko-Fundatriċi tal-Fondazzjoni Marigold Michelle Muscat enfasizzat l-importanza tal-kampanja ta’ għarfien li tnediet.
“Kampanja sabiex il-poplu nġenerali jitgħallem jieħu ħsieb lilu nnifsu speċjalment fejn jidħlu sintomi ta’ problemi tal-qalb. Matul l-aħħar xhur rajna kif kulħadd kien iffukat fuq il-Covid u kellna umbagħad rata allarmanti ta’ nies li jbatu minn attakki tal-qalb. Għalfejn? Għax ħafna nies ma bdewx jersqu għall-kura u ma bdewx imorru l-isptar u ċertu affarijiet insejnihom u taru ’l hemm.”