Inizjattiva ġdida mill-Fondazzjoni Life Network se tipprovdi appoġġ kontinwu lil ommijiet u trabi tagħhom wara li jtemmu il-programm ta’ sena fi ħdan il-maternity home Dar Tgħannieqa ta’ Omm. Il-maternity home tipprovdi sapport ta’ 24 siegħa kuljum, qabel u wara t-twelid tat-tarbija.
Il-units residenzjali se jipprovdu ambjent akkoljenti u sigur biex dawn l-ommijiet ikunu jistgħu jmorru lura għax-xogħol jew itemmu l-istudji tagħhom.
Fi stqarrija, il-Life Network qalet li temmen li dan is-servizz se jagħti possibbiltajiet ġodda lil dawn l-ommijiet biex jagħmlu t-tranżizzjoni lejn ħajja indipendenti u jirnexxu.
Mart il-President, Miriam Vella, se tkun qed tinawgura b’mod uffiċjali dawn il-postijiet residenzjali ġodda l-Erbgħa 13 ta’ Marzu.
Dan il-proġett seta’ jitwettaq, permezz tal-ġenerożità tal-Conservatorio Vincenzo Bugeja, fondazzjoni ta’ karità mwaqqfa mill- Markiż Vincenzo Bugeja għas-sapport tan-nisa u t-tfajliet.
Issa se jkun hemm sitt akkomodazzjonijiet fil-Konservatorju Vincenzo Bugeja f’Santa Venera, u minbarra hekk il-Life Network Foundation tinsab fil-proċess li tirrinova seba’ postijiet ta’ akkomodazzjoni oħrajn f’lokalità oħra.
Il-fondazzjoni qalet li, f’Jum il-Mara din is-sena, qed tiċċelebra s-suċċess tal-appoġġ tal-helpline għan-nisa fi kriżi ta’ tqala, li kienet hemm għal 120 twelid, is-servizz ta’ għajnuna fil-komunità lin-nisa u l-maternity home, fejn diġà għexu u rabbew it-trabi tagħhom 42 omm.