Il-Fondazzjoni Kottonera u l-Kurja ffirmaw ftehim li permezz tiegħu ser il-fondazzjoni ser tgħin fl-organizzazzjoni tal-festi u attivitajiet oħra relatati magħhom fl-ibliet tal-Kottonera u l-Kalkara.
Il-Parroċċa ta’ San Ġużepp fil-Kalkara ser tkun l-ewwel parroċċ li tibbenefika minn din l-għajnuna li ser tingħata hekk kif il-festa se tkun iċċelebrata fi tmiem din il-ġimgħa iżda matul ix-xhur tas-sajf ser jiġu ċċelebrati numru ta’ festi fostjom ta’ San Lawrenz fil-Birgu u Marija Bambina fl-Isla.
Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kien hemm Glenn Bedingfield bħala ċ-Chairman tal-Fondazzjoni u Michael Pace Ross, Kap Eżekuttiv tal-Kurja, fil-preżenza tal-mexxejja reliġjużi tal-lokalitajiet.
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera Glenn Bedingfield esprima s-sodisfazzjon tiegħu hekk kif din l-assistenza mistennija ssaħħaħ il-preżenza ta’ attivitajiet kulturali b’rabta reliġjuża li jkunu ċċelebrati fl-ibliet tagħna.
Hu sostna, “Aħna nibqgħu impenjati li ngħinu u nassistu biex fil-Kottonera jkollna attivitajiet bil-parteċipazzjoni wiesa tal-akbar firxa ta’ nies possibbli. Il-festi huma għal qalbna u issa li l-attività soċjali qed terġa’ tieħu l-ħajja, ħassejna li nagħtu l-kontribut tagħna biex naraw l-ibliet tal-Kottonera u l-Kalkara mimlija attività.”
Min-naħa tiegħu s-sur Pace Ross irringrazzja lill-Fondazzjoni Kottonera għal din l-għotja għall-festi li ser jittellgħu b’rispett sħiħ lejn id-direttivi mħabbra mill-Arċidjoċesi.
Dawn id-direttivi huma bbażati fuq tliet prinċipji: li l-poplu Nisrani jrodd ħajr lil Alla għal dak kollu li għamel magħna; li jissaħħaħ is-sens ta’ għaqda fil-komunitajiet Insara; u li tingħata importanza speċjali lill-prinċipju ta’ solidarjetà.