Wara ftehim mal-Parroċċa tal-Birgu, il-Fondazzjoni Kottonera se tkun qed tiffinanzja parti mir-restawr tal-pittura tal-kor tal-Kolleġġjata li turi l-Glorja ta’ San Lawrenz.
Il-pittura li hija biċċa xogħol imprezzabbli tal-pittur ċelebri Giuseppe Cali sofriet danni matul is-snin u qegħda f’punt fejn għandha bżon intervent, li se jsir mill-pittur Għawdxi Manwel Farrugia.
Il-ftehim ġie ffirmat miċ-Chairman tal-Fondazzjoni Glenn Bedingfield u Arċipriet tal-Birgu Dun Karm Busuttil, fil-preżena tal-Kap Eżekuttiv tal-Kurja Michael Pace Ross quddiem in-Nutar Ian Castaldi Paris.
Bedingfield esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-Fondazzjoni se tgħin fir-restawr ta’ din il-biċċa xogħol importanti fil-Kolleġjata u qal li “aħna nibqgħu impenjati dejjem biex ngħini l-ibliet
tagħna jippriservw il-wirt kulturali kbir li għandna fil-Kottonera”.
Fakkar li fil-ġimgħat li ġejjin se jitħabbar fond li permezz tiegħu se jkunu mgħejjuna għaqdiet mill-Kottonera biex jirriealizzaw proġetti u inizjattivi li għandhom ippjanati.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Kurja ta’ Malta Michael Pace Ross irringrazzja lill-Fondazzjoni għal din l-għotja bżonnjuża li se tgħin biex titranġa biċċa arti bħal din.