Bħala parti minn pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika, il-Fondazzjoni Inspire bdiet tirċievi mal-mija u ħamsin elf Ewro. Din l-iskema hija mmirata sabiex tikkumpensa l-impatt li diversi għaqdiet volontarji qed isofru kawża tal-pandemija. Din hija l-ikbar somma f’investiment dirett li qatt sar fis-settur volontarjat.
Fi żjara ġewwa l-Fondazzjoni Inspire, is-Segretarju Parlamentari għall-Volontarjat, Clifton Grima spjega li d-diversi servizzi li toffri din il-fondazzjoni jagħtu kontribut importanti lis-soċjetà Maltija.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Inspire esprima l-gratitudni tiegħu lejn il-Gvern għal din l-għajnuna.
Spjega li, “Kellna numru ta’ inizzjattivi, komplejna b’servizzi online meta kellna lockdown, kif ukoll nedejna advice line għall-ġenituri u numru ta’ videos li jistgħu ikomplu jgħinu l-ġenituri f’dawn is-sitwazzjonijiet”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari sostna li l-Gvern se jibqa’ jagħmel dak kollu li jista’ biex jgħin lil dan is-settur tant għal qalbu.
Qal li, “Bħala Gvern se nibqgħu kommessi li ngħinu s-settur tal-volontarjat. Se nkomplu nixtru s-servizzi minn l-istess settur u fuq kollox se nagħtu l-għajnuna kollha neċessarja u nagħmel referenza għall-fond ta’ tlett miljun Ewro li ingħata lil dan is-settur.”
Waqt din iż-żjara tnieda wkoll il-Premju Nazzjonali tal-Volontarjat.
Premju li jagħti r-rikonoxximent li tant jisħoqilhom il-volontarjati.
Qal kif, “Dan il-premju jiċċelebra, speċjalment din is-sena li kienet sena partikolari fejn dan is-settur kellu jaġixxi u jaħdem ħafna iżjed fil-komunità b’mod li niċċelebraw lil dawn in-nies u għaqdiet għas-servizz tagħhom li jagħtu tul is-sena kollha.”