Il-Fondazzjoni Inspire, qed tħabbar it-tnedija ta’maratona televiżiva ta’ ġbir ta’ fondi, “Jien Suċċess”.
Din se ssir nhar il-Ħadd, 20 t’Awwissu 2023 minn nofsinhar sa nofsillejl.
Se ssir bil-għan li tiġbor fondi essenzjali għall-bini taċ-Ċentru l-ġdid ta’ Riabilitazzjoni u Benessri fil-faċilità ta’ Wied il-Għajn ta’ Inspire.
L-avveniment se jixxandar fost l-oħrajn, fuq l-istazzjon ONE.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Inspire, semma kif kulħadd għandu d-dritt għall-ugwaljanza u l-parteċipazzjoni fis-soċjetà.
Żied jgħid li din l-inizjattiva se tkun unika għal Malta u se tilqa’ għall-bżonnijiet ta’ bosta individwi, inklużi dawk li jsofru minn inċidenti, pazjenti bi puplesija, nies bil-fibromyalgia, u l-anzjani, fost oħrajn.
Iċ-Ċentru tar-Riabilitazzjoni u l-Benessri għandu l-għan li jistabbilixxi faċilità kompletament aċċessibbli, mgħammra b’ġinnasju ta’ rijabilitazzjoni mfassla għall-bżonnijiet speċifiċi ta’ individwi bi korrimenti newroloġiċi jew limitazzjonijiet fiżiċi.
Iċ-ċentru se jintroduċi firxa ta’ servizzi ġodda mfassla biex jipprovdu appoġġ emozzjonali u servizzi speċjalizzati mmirati biex jagħtu s-setgħa u jtejbu l-benessri ta’ mijiet ta’ individwi u l-familji tagħhom.
L–ispiża stmata għall-bini ta’ din il-faċilità hi ta’ madwar €400,000,” kompla Gauci.
Il-Fondazzjoni Inspire qed tistieden individwi, kumpaniji, u komunitajiet biex jipparteċipaw fit-telethon “Jien Suċċess” billi jikkontribwixxu bħala donaturi jew jagħmlu xogħol volontarjat fil-jum tal-avveniment. Il-voluntiera se jkunu essenzjali biex iwieġbu t-telefowns u jappoġġaw l-organizzazzjoni tat-telethon.
Dawk li huma interessati jagħmlu volontarjat jistgħu jirreġistraw hawn: https://shorturl.at/ayC16, filwaqt li dawk li jixtiequ jagħtu donazzjoni jistgħu jagħmlu dan billi iżuru hawn: https://inspire.org.mt/jien-success-2023/