Żewġ fergħat tal-Partit Laburista, il-fondazzjoni IDEAT u Nisa Laburisti organizzaw sessjoni ta’ taħdita, flimkien ma’ panel ta’ esperti, rigward l-aljenazzjoni parentali. Dan il-fenomenu hu prodott ta’ sitwazzjonijiet meta l-ġenituri bejniethom ikunu qed iċaħħdu lit-tfal tagħhom minn attenzjoni u ħin mal-ġenitur l-ieħor.
Il-panel kien magħmul minn diversi kelliema, fejn fost l-oħrajn ittrattaw kif l-aljenazzjoni parentali qed tkompli tiżdied u qed taffettwa bidliet fit-tfal b’mod esaġerat jew aċċellerat aktar minn dawk is-sitwazzjonijiet li, bħala soċjetà, inqisuhom bħala normali.
Fost l-argumenti li tqajmu minn dawk preżenti, issemma kif ir-relazzjoni bejn l-ulied u l-ġenituri tkun fl-aqwa tagħha meta l-ulied ikunu esposti għaż-żewġ partijiet u mhux meta jkun hemm ċaħda minn ħin jew ikunu qed jisimgħu diskors negattiv fuq il-parti l-oħra.
Saħqu li l-aktar ħaġa effettiva hi meta ġenituri jifhmu u jaċċettaw il-ħsara li verament issir fuq it tfal, fejn anke minn studji li saru juru li t-tfal ikunu jippreferu li jsewwu r-relazzjoni ma’ dak il-ġenitur partikolari, aktar milli jwaqqfu l-kuntatt.
Rigward l-aspett legali, spjegaw kif għandha bżonn tiġi maqbula definizzjoni, jekk l-aljenazzjoni parentali hijiex reat jew inkella abbuż jew inkella se tiġi indirizzata mil-lenti legali ta’ vjolenza domestika.
Ingħad kif fl-Ewropa huma ftit dawk il-pajjiżi li jagħtu drittijiet anke lin-nanniet u għalhekk Malta għandha tkun minn tal-ewwel biex tagħmel ir-riformi meħtieġa u sservi ta’ mudell għal pajjiżi oħrajn.
Fid-diskussjoni, ħa sehem ukoll il-Ministru għal-Politika Soċjali, Micheal Falzon, li spjega li, bħala Ministeru, il-ħidma baqgħet għaddejja, minkejja d-diffikultajiet fis-sistema, fejn anke qed jiġu kkordinati diversi diskussjonijiet ma’ nies esperti u riċerkaturi fis-suġġett.
Semma li wkoll għaddej investiment ta’ taħriġ kontinwu fl-aqwa istituzzjonijiet madwar id-dinja f’dan ir-rigward, waqt li rrefera wkoll kif il-Ministeru jassisti f’diversi inizjattivi lil organizzazzjonijiet varji, fosthom il-Happy Children.
Kemm il-panel tal-esperti kif ukoll l-udjenza, li kienet tinkludi ġenituri, nanniet u anke avukati li jittrattaw każi fil-Qorti tal-Familja, qablu fuq il-fatt li hemm bżonn tittieħed deċiżjoni bis-serjetà dwar ir-riformi li hemm bżonn fis-sistema, li fihom jiġi meqjus il-kuntest kollu.