Il-Fondazzjoni Ideat li hija fergħa tal-Partit Laburista ngħediet il-kors YOU-PROGRESS, kors li ser qed ikun jagħti togħma lill-parteċipanti ta’ xinhi politika.
Ilbieraħ waqt it-tnedija kien hemm numru sabiħ ta’ parteċipanti li ser qed ikunu jieħdu dan il-kors. In-numru bħalissa jammonta għal aktar minn 40 parteċipant.
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni, Dominick Grech, spjega ma’ One News li l-iskop ewlieni ta’ dan il-kors hu wieħed prattiku aktar milli teoretiku.
“L-iskop ta’ dan il-kors fl-aħħar mill-aħħar, iktar mill-aspett akademiku, se jkun sabiex niprovdu formazzjoni ħolistika u nilħqu bilanċ bejn l-aspett tijoretiku u l-aspett prattiku, l-aspett prattiku wkoll se nilħquh permezz ta’ diskussjonijiet li se jkollna, għaliex fl-aħħar mill aħħar irridu li dan il kors ikun esperjenza ħajja għal dawn l-istudenti ħa ngħid hekk li se jkunu jipparteċipaw f’dan il-kors minn issa sa Marzu ta-sena d-dieħla”.
Il-Kunsilliera Josette Busuttil li hija waħda mill-parteċipanti faħħret din l-inizzjattiva filwaqt li saħqet li dan il kors ser jgħinha fl-irwol politiku tagħha:
“Tħajjart li nagħmlu u ħadt l-interess li nagħmlu għax jiena wkoll kandidata u kunsilliera, allura b’hekk nitgħallem iktar kif għandi nireaġixxi ruħi ma’ kull problema”.
Preżenti għal din l-attività kien hemm numru ta’ Membri Parlamentari, fosthom il-Ministru Chris Fearne, fejn saħaq li b’inizjattivi bħal dawn il-Partit Laburista jikber filwaqt li nimxu il-quddiem bħala soċjetà u pajjiż.