Il-paga minima u t-tisħiħ tagħha kienu t-temi ċentrali ta’ diskussjoni organizzata mill-Fondazzjoni iDEAT fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem.
Id-diskussjoni, li saret fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, ma kinitx okkażjoni biss biex titfakkar il-kisba li l-poplu għamel 48 sena ilu meta ddaħlet il-paga minima, iżda wkoll biex wieħed iħares lejn kif din tista’ tissaħħaħ.
Wieħed mill-kelliema kien is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul. Huwa fakkar li kien gvern Soċjalist li daħħal il-paga minima, u li fl-2017 kien gvern Laburista li, flimkien mas-sħab soċjali kollha, iffirma ftehim biex titwaqqaf Kummissjoni għall-Paga Minima. Din il-Kummissjoni tagħti rakkomandazzjonijiet lill-Gvern kull erba’ snin dwar kif għandha tissaħħaħ il-paga minima. Filwaqt li nnota kif dan il-pass storiku se jwieżen lil dawk li l-aktar li għandhom bżonn fis-soċjetà Maltija, is-Segretarju Parlamentari Ellul qal li l-Gvern jinsab ħerqan biex jilqa’ l-ewwel rakkomandazzjonijiet sal-aħħar ta’ din is-sena.
Fid-diskussjoni ħadu sehem ukoll id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji, Abigail Mamo, u Brendon Zerafa, konsulent fis-Segretarjat Parlamentari għad-Djalogu Soċjali.
Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni iDEAT, Elaine Degiorgio, saħqet fuq l-importanza ta’ diskussjonijiet bħal dawn biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema, b’mod partikolari dawk l-aktar fil-bżonn.
Hija saħqet fuq l-importanza l-ħaddiem jinżamm fiċ-ċentru, għax mingħajr ħaddiem b’saħħtu la jkollna ekonomija b’saħħitha u lanqas soċjetà b’saħħitha.