Il-Fondazzoni IDEAT organizzat it-tielet diskussjoni minn sensiela bit-tema ‘Stigma’, din id-darba ffukata fuq is-saħħa mentali.
Fost il-kelliema li indirizzaw din il-konferenza kien hemm il-psikoterapista Charles Cassar, li rrefera għal tipi differenti ta’ stigma. Huwa fisser kif persuna tista’ tesperjenza stigma fuq livell kollettiv. F’dak il-każ, ikun hemm impatt tal-preġudizzju fuq il-persuna, meta wieħed jingħalaq fih innifsu. Ikun hemm ukoll stigma kawża tas-sistema nnifisha, u għalhekk persuna ma tkunx qed issib l-assistenza li għandha bżonn. Huwa saħaq li dawn l-isfidi huma tal-istess livell ta’ diffikultajiet fiżiċi u huwa biss meta nifhmu dan il-fatt li nkunu nistgħu negħlbu l-istigma lejn is-saħħa mentali.
Kelliem ieħor kien Daniel Chircop, li huwa magħruf sew fid-dinja tad-divertiment. Huwa qasam l-esperjenza tiegħu dwar il-perjodu ta’ dipressjoni li għadda minnu madwar għaxar snin ilu. Għalkemm dak kien perjodu qasir u li rnexxielu jegħleb, kellu jerġa’ jgħaddi minn perjodu ta’ dipressjoni itwal matul ix-xhur tal-pandemija. Dawn il-mumenti kienu kruċjali għal Daniel għax irrealizza li din id-darba kellu bżonn l-għajnuna ta’ esperti. Huwa qal li bħala soċjetà m’għandniex għalfejn nibżgħu nitkellmu dwar is-saħħa mentali, anzi għandna ninkoraġġixxu li wieħed ifittex l-għajnuna.
Id-diskussjoni mexxiha l-Viċi Chairperson tal-Fondazzjoni Ideat, Brian Scicluna.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, irrimarka li individwu għandu kontinwament jagħraf sinjali li jagħtuh ġismu u moħħu għax hemm rabta ċara bejn il-problemi soċjali li jgħaddi minnhom bniedem u dawk ta’ saħħa mentali. Huwa faħħar l-irwol ta’ diversi għaqdiet mhux governattivi li tant jaħdmu f’ dan is-settur.
Il-Fondazzjoni Ideat se torganizza l-aħħar diskussjoni bit-tema ‘Stigma’ nhar it-Tlieta, 6 ta’ Diċembru, din id-darba b’lenti fuq il-vizzji u l-kriminalità.