Il-Fondazzjoni iDEAT se tkun qed torganizza diskussjoni dwar ir-riforma li temenda l-liġi tal-kera għall-propjetajiet ta’ qabel l-1995.
Din id-diskussjoni se sservi bħala sessjoni ta’ informazzjoni għal kull sid u inkwilin u għal pubbliku inġenerali sabiex kulħadd ikun mgħarraf b’din ir-riforma u l-emendi legali li se jwasslu biex il-Gvern jagħti ferm aktar għajnuna ħalli ħadd ma jispiċċa mingħajr saqaf taħt rasu, filwaqt li s-sid jingħata kirja ferm aktar ġusta.
Din l-attività se ssir nhar it-Tnejn 22 ta’ Marzu fis-6.30pm u se tixxandar b’mod dirett fuq l-paġna ta’ Facebook tal-Fondazzjoni iDEAT, dawk li se jsewgu huma mħeġġa li jgħaddu l-kummenti, ideat u ħsibijiet tagħhom billi jikkumentaw waqt ix-xandira.
Waqt din ix-xandira se jkun hemm il-parteċipazzjoni tal-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes li se jkun qed iwieġeb id-domandi kollha tul l-attività.
F’kummenti dwar l-attività, iċ-Chairperson ta’ iDEAT, Elaine Degiorgio, saħqet li din ir-riforma hija waħda bżonnjuża ferm u dan minħabba r-riskju li ħafna nies kienu qed jitilfu l-protezzjoni tal-liġi wara li l-Qorti Kostituzzjonali sabet illi l-pagament annwali tal-kirja kien baxx wisq meta kkumparat mal-valutazzjoni tal-propjetà.
“Għaldaqstant ħafna nies kienu ser jispiċċaw barra minn djarhom wara snin twal jgħixu f’dik il-propjetà. Kien għalhekk il-bżonn imminenti li ssir riforma sabiex filwaqt li l-inkwilin ikun protett u jingħata l-għajnuna kollha meħtieġa permezz ta’ sussidju b’saħħtu, is-sid jingħata kirja ekwa u ġusta għaż-żminijet tal-lum” temmet tgħid Dr Degiorgio.