Bħala parti mill-attivitajiet ta’ Jum il-Ħaddiem, il-Fondazzjoni iDEAT se ttella’ diskussjoni dwar il-paga minima f’pajjiżna.
Din id-diskussjoni se ssir wara li l-Gvern waqqaf kummissjoni li xogħlha hu li toffri rakkomandazzjonijiet kull erba’ snin dwar il-paga minima u dan sabiex ikun assigurat Ii l-ħaddiema, b’mod speċjali dawk l-aktar vulnerabbli, jibqgħu jingħataw dak kollu li huwa meħtieġ sabiex jibqgħu mexjin fis-soċjetà.
ONE News tkellem ma’ Wayne Dimech, li huwa uffiċċjal fi ħdan il-Fondazzjoni iDEAT, li spjega aktar dwar din id-diskussjoni.
Qal, “Naraw għalfejn għandha tissaħħaħ il-paga minima u x’inhuma dawk l-affarijiet illi jistgħu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.”
Dimech kompla jispjega magħna x’se tikkonsisti din id-diskussjoni.
Qal, “F’din l-attività ħa jkollna kelliema minn diversi oqsma, fosthom rappreżentanti tal-ħaddiema u anki ta’ min iħaddem, ħa jkollna ekonomista, kif ukoll persuni li ġejjin mill-qasam soċjali, fejn flimkien ħa nkunu qegħdin niddiskutu kif nistgħu nsaħħu l-paga minima.”
Din id-diskussjoni se ssir l-Erbgħa sitta u għoxrin ta’ April fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fis-sitta ta’ filgħaxija. Kulħadd huwa mistieden jattendi.