Bħala parti mill-kampanja internazzjonali ta’ 16-il ġurnata ta’ attiviżmu, kontra vjolenza fuq il-ġeneru, il-fondazzjoni iDEAT se torganizza attività, f’forma ta’ taħdita fuq is-suġġett tal-vjolenza domestika u l-effetti tagħha.
L-iskop ta’ din l-attività huwa sabiex tibqa’ titrawwem kuxjenza ta’ kemm din il-pjaga fis-soċjetà tħalli effetti koroh fuq il-vittmi u dawk li jgħixu qribhom u l-għajuna li għandhom ifittxu dawk li sfortunatament qed ibatu sforz din ir-realtà.
Biex isir dan, se jkun hemm numru ta’ esperti li jaħdmu fil-qasam fosthom Pulizija li jkunu minn tal-ewwel li jiltaqgħu ma’ każijiet ta’ vjolenza domestika, avukati li jaħdmu fis-settur kif ukoll social workers.
Waqt din l-attività se tkun qed tagħmel ukoll l-intervent tagħha kemm is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar kif ukoll mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela.
Din l-attività se ssir il-Ħamis 26 ta’ Novembru fis-6pm u se tixxandar b’mod dirett fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Fondazzjoni iDEAT, dawk li se jsewgu huma mħeġġa li jgħaddu l-kummenti, ideat u ħsibijiet tagħhom billi jikkumentaw waqt ix-xandira.
F’kummenti dwar l-attività, iċ-Chairperson ta’ iDEAT, Elaine Degiorgio, saħqet li l-vjolenza domestika hija tema li għandha tibqa’ tiġi dikussa għax permezz ta’ aktar għarfien u aktar informazzjoni, ikunu mgħejjuna mhux biss vittmi, iżda fuq kollox nedukaw lil dawk li llum għadhom ta’ età iżgħar.
Dr Degiorgio saħqet li l-vjolenza domestika ma tħarisx lejn uċuħ u għalhekk huwa importanti li jkun hawn iżjed rizorsi għal dawk li qed ibatu fis-silenzju biex jikbsu dak il-ħelsien li tant ikunu ħerqana għalih.