Il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi għadha kemm ippreżentat donazzjoni ta’ €1,000 lill-Fondazzjoni Caritas Malta bħala għajnuna wara sejħa li saret minn din l-entità.
Dan wara li wieġbet għas-sejħa wara li kien hemm bosta appelli għall-għajnuna minn NGOs u għaqdiet tal-volontarjat, talbet għall-għajnuna biex tkun tista’ tgħin familji vulnerabbli, mall-ewwel ħadet azzjoni.
Fost il-gruppi li kienu qed ifittxu l-għajnuna kien hemm il-Fondazzjoni Caritas Malta. Il-kampanja kien jisimha: Inkopru l-Bażiku, li permezz tagħha, fost l-oħrajn, kienu qed jinkoraġġixxu biex entità tagħti €185 li bihom ikunu qed ikopru l-oġġetti essenzjali ta’ familja ta’ żewġ adulti u żewġt itfal.
L-amministrazzjoni tal-FES laqgħet din it-talba li kienet qed tagħmel il-Fondazzjoni Caritas Malta u talab lill-ħaddiema tal-uffiċċju ewlieni, flimkien mal-ħaddiema fiċ-childcare centres u l-kordinaturi ta’ Klabb 3-16 biex min irid jagħti donazzjoni li kienet se tinqatagħlhom mill-paga tax-xahar ta’ Mejju 2020. L-għan kien li l-FES tagħti sostenn imqar lill-familja waħda, imma l-ħaddiema kkonkorrew b’mod inkoraġġanti tant li rnexxilhom jinġabru donazzjonijiet li jkopru l-ispejjeż ta’ erba’ familji. It-total li nġabar minn din l-inizjattiva kien €1,000.
Id-donazzjoni kienet preżentata lid-Direttur tal-Fondazzjoni Caritas Malta s-Sur Anthony Gatt, mill-Kap tal-Business Support tal-FES s-Sur Mark Cassar f’isem il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi.
Il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, hija l-organu ewlieni wara l-organizzazzjoni ta’ SkolaSajf, Klabb 3-16 u ċ-Childcare Centres tal-Gvern. Din ma hix l-unika inizjattiva li tieħu l-FES bħala parti mir-responsabbiltà soċjali tal-entità, fejn fost l-oħrajn tħeġġeġ biex ikun hemm inizjattivi simili anke waqt il-programmi diversi li torganizza.