Il-Baden Powell Scout Group ta’ Ħaż-Żebbuġ gawdew minn għajnuna finanzjarja għal xiri ta’ kayaks għall-istess għaqda.
Din l-għajnuna mill-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli saret bil-għan li jkomplu jkunu mħeġġa attivitajiet produttivi li jbiegħdu mill-vizzji tal-logħob u l-alkoħol.
Il-kayaks mixtrija se jgawduhom mat-tmenin membru fi ħdan l-iscouts ta’ Ħaż-Żebbuġ u permezz tagħhom, l-għaqda se tkun tista’ ttella’ aktar attivtajiet interattivi fil-baħar filwaqt li l-membri jkunu jistgħu jesploraw b’mod aħjar ix-xtajtiet Maltin.
Andrea Bellizzi li jmexxi dan il-grupp tal-iscouts, spjega s-sinifikat ta’ din l-għotja.
Qal, “Is-sinifikat huwa importanti ħafna għaliex b’dawn il-kayaks nistgħu nressqu aktar liż-żgħażagħ lejn attività fiżika, sportiva u ovvjament jitbiegħdu aktar minn xi vizzji ħżiena.”
Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija, Silvio Schembri saħaq kif din it-tip t’għajnuna tgħaqqad ma’ ekonomija li tinkludi lil kulħadd.
Huwa kompla jispjega kif il-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli resqet ’il quddiem biex tkompli tiżra’ kultura t’edukazzjoni informali.
Qal, “Permezz tar-Responsible Gaming Foundation rajna li japplikaw ukoll għal skema sabiex ikunu jistgħu jiġu assistiti u jixtru f’dan il-każ apparat li jista’ jintuża min-naħa tagħhom sabiex anke nkomplu nassistuhom fil-formazzjoni edukattiva tagħhom, b’mod informali. Jien nemmen ħafna fl-edukazzjoni informali għaliex tkun dik li tibni l-karattru ta’ dak li jkun.”