Il-fondazzjoni Eden Leisure Foundation (ELF) għamlet sħubija ma’ Nature Trust FEE Malta biex tirriabilita Wied Ħarq il-Ħammiem, wieħed mill-aħħar santwarji naturali f’Malta li qed jiffaċċja sfidi minn speċi invażivi u skart illegali.
Din l-inizjattiva se tiffoka fuq ġbir ta’ fondi u involviment ta’ voluntiera, bil-fondi inizjali jintużaw għal sistemi ta’ ilma għat-tisqija, tneħħija ta’ speċi invażivi, u l-ħolqien ta’ nursina ta’ siġar indiġeni. Il-proġett għandu l-għan li jappoġġja l-proċess ta’ rinselvaġġ, riabilitazzjoni tal-fawna selvaġġa u konservazzjoni tal-ħabitats naturali, filwaqt li jiżgura protezzjoni fit-tul.
Biex jinġabru fondi, se tibqa’ fis-seħħ l-għażla volontarja ta’ donazzjoni ta’ ewro fuq il-kontijiet tar-ristoranti tal-InterContinental Malta, sistema li s-sena l-oħra rnexxielha tiġbor aktar minn €33,000.
Kate de Cesare, Chairperson tal-ELF, saħqet fuq l-importanza ta’ dan il-proġett għall-komunità lokali u l-potenzjal tiegħu biex jippreserva speċi rari. Riċentement, 40 voluntier mill-Eden Leisure Group irnexxielhom ineħħu 580 kilogramma ta’ skart f’sessjoni waħda ta’ tindif, u qed jiġu ppjanati aktar opportunitajiet għal min jixtieq jgħin.
Steven Calascione minn Nature Trust esprima l-ferħ tiegħu dwar din is-sħubija, u enfasizza l-impenn lejn il-wirt naturali ta’ Malta u r-restawr tal-wied għall-ġenerazzjonijiet futuri.