Il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia qed tappella lill-membri tal-Parlament Ewropew biex ma jħallux il-proġett ta’ Malta għall-pipeline tal-gass b’idroġenu jgawdi minn fondi Ewropej taħt l-iskema ta’ interess komuni.
L-Unjoni Ewropea kienet diġà ddikjarat li l-proġett tal-pipeline tal-gass hu eliġibbli għall-fondi Ewropej.
Dan wara diversi diskussjonijiet bejn il-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, iżda l-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia, immexxija mid-Direttur Matthew Caruana Galizia, flimkien mal-għaqda Friends of the Earth Malta issa qed jiġbru l-firem f’petizzjoni biex il-Gvern Malti jitlef il-finanzjament għall-proġett, bir-raġuni tagħhom hi l-Electrogas.
Caruana Galizia ilu jopponi dan il-finanzjament għal pipeline, li minnu Malta tista’ tieħu gass li hu anke iżjed nadif mil-LNG, jiġifieri l-idroġenu.
Ma’ Caruana Galizia kien rewwaħ ukoll il-Partit Nazzjonalista, hekk kif l-Oppożizzjoni ta’ Bernard Grech attakkat il-proġett tal-power station tal-gass.
Power station li llum tiġġenera l-elettriku b’enerġija ferm iżjed nadifa minn dak li kien jintuża fi żmien GonziPN, jiġifieri l-heavy fuel oil.
Dan meta l-aħħar Gvern Nazzjonalista ta’ qabel l-2013 kien saħansitra emenda l-liġi ambjentali ta’ pajjiżna biex ikun jista’ jakkomoda l-impjant tal-power station tal-BWSC, li kienet taħdem bl-aktar fuel li jniġġes.
Fl-aħħar jiem, quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament, Tonio Fenech, li kien l-aħħar Ministru Nazzjonalista responsabbli għall-Enemalta, iddikjara bla tlaqliq li ma ddispjaċih xejn mid-deċiżjonijiet li kienu ttieħdu dak iż-żmien.