F’avveniment fl-okkażjoni ta’ għeluq l-għoxrin sena tal-Fondazzjoni Alfred Mizzi, iċ-Chairman Julian Sammut qal li fl-aħħar erba’ snin din qassmet aktar minn €2 miljun f’kawżi ġusti.
L-għajnuna tal-fondazzjoni, li hi ffinanzjata mill-kumpanija Alf Mizzi & Sons Ltd, marret favur organizzazzjonijiet fl-oqsma tal-kultura, l-ambjent u s-soċjal, bħalma hu l-każ tas-Soup Kitchen, il-Foodbank Lifeline u l-Caritas Community Centre, fejn sar l-akbar investiment.
Il-Fondazzjoni tgħin ukoll lill-programm ‘Tbissima’, immexxi mill-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca favur tfal li ġejjin minn familji batuti.
Sadanittant tħabbar ukoll li, flimkien mal-Caritas, il-Fondazzjoni Alfred Mizzi se tkun qed torganizza ‘L-Ikla tal-Arċisqof’, l-avveniment annwali fejn nhar il-Milied il-Kurja tospita madwar 500 persuna biex jieklu flimkien.