Meta fl-aħħar ġimgħat l-Aġenzija għall-Pensjonijiet fl-Iżvezja qalet li se tkun qed tieħu passi fil-konfront tal-Falcon Funds, li direttur tagħhom hemm l-eks Ministru Tonio Fenech, dan tal-aħħar kien qal li l-aġenzija mhix awtorità u li d-deċiżjoni kienet se tkun ikkontesta l-qorti. Il-Qorti Żvediża ddeċidiet u ma tatux raġun.
Il-Falcon Funds, li tiegħu l-eks Ministru Tonio Fenech huwa direttur, kienu qed jittamaw li jannulaw deċiżjoni tal-Aġenzija Żvediza għall-Pensjonijiet permezz tal-Qorti.
Iżda dan kien kollu għalxejn, għaliex il-qorti fl-Iżvezja ma tatx raġun lill-fond investigat, li nvolut fl-amministrazzjoni tiegħu hemm l-eks Ministru Nazzjonalista.
Kien f’Ġunju li f’deċiżjoni li deskritta bħala storika, l-Aġenzija Żvediża għall-pensjonijiet neħħiet il-fond ta’ Tonio Fenech mill-pjattaforma tagħha.
Dan minħabba aġir li allegatament kien wieħed frodulenti, b’metodi li qajmu dubji kbar intużaw biex miljuni ta’ ewro ta’ pensjonanti għaddew għand il-Falcon Funds minn fondi oħra.
Il-każ qanqal interess kbir fl-Iżvezja tant li ġurnalisti ewlenin ġew Malta jinvestigawh. Kull darba Tonio Fenech iddefenda l-għemil tal-kumpanija li tagħha huwa direttur.
Id-deċiżjoni tal-Qorti fl-Iżvezja ingħatat it-Tnejn li għadda. Biex fost oħrajn Falcon Funds iridu jroddu lura wkoll il-fondi li jlaħħqu l-mitejn u erbgħin miljun ewro.
Minn kummenti esklussivi li kiseb ONE NEWS fl-aħħar ġimgħat l-aġenzija hija determinata li dan isir anke jekk lesta tidjaloga dwar il-metodu.
Dan huwa każ li seta’ kellu implikazzjonijiet serji fuq is-settur tas-servizzi finanzjarji f’pajjiżna, kif wara kollox kellu jammetti l-eks Ministru nnifsu.
Bil-każ diġa’ meqjus wieħed serju, sehem Tonio Fenech, eks ministru ta’ gvern u deputat parlamentari, il-mistoqsijiet kibru u fl-Iżvezja b’mod partikolari, il-każ għadu jkun segwit b’interess liema bħalu.