Fir-rapport annwali dwar l-ekonomija ta’ pajjiżna, l-esperti tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) isostnu li “Malta has been one of the fastest growing countries in the EU”.
Skont l-IMF, “prudent fiscal policy and successful structural reforms have helped strengthen public accounts, boost productivity growth and maintain social cohesion”. Tant li d-diretturi eżekuttivi tal-IMF, “commended the authorities for sound policies that have supported strong economic performance and job creation while improving public finances”.
Ir-rapport jinnota kif, fis-snin li ġejjin, it-tkabbir ekonomiku mistenni jkompli għaddejb’ritmu tajjeb, filwaqt li l-finanzi pubbliċi huma mbassra li jibqgħu juru surplus għal mill-inqas sitt snin oħra. Dan mistenni jwassal biex, sa tmiem din il-leġiżlatura, il-piż tad-dejn jonqos taħt it-30% tal-ġid nazzjonali, li huwa ferm inqas minn nofs il-piż li kien hemm fl-2013.
Ir-rapport tal-IMF jikkonkludi li l-politika fiskali tal-gvern hija dik meħtieġa, u jfaħħar miżuri li ttieħdu biex tonqos l-evażjoni fiskali. Skont l-IMF, huwa importanti li l-qagħda fiskali tinżamm tajba ħalli jkun hemm fondi biex jitwettaq il-pjan tal-gvern għal titjib fl-infrastruttura u jittieħdu aktar miżuri favur inklużjoni soċjali.
L-esperti tal-IMF jgħidu li l-pjanijiet imħabbra mill-gvern biex isaħħu s-superviżjoni tas-settur finanzjarju huma “steps in the right direction” u huma importanti ħafna biex jonqsu riskji possibli mill-espansjoni tas-settur finanzjarju f’pajjiżna. L-istess rapport jinnota l-potenzjal ta’ tkabbir mis-settur tal-blockchain fejn Malta hija meqjusa bħala innovattiva fil-kamp ta’ regolazzjoni, u jħeġġeġ li l-qafas superviżorju jkun sod.
Dwar il-housing, l-esperti tal-IMF jgħidu li ż–żidiet fil-prezzijiet tal-proprjetà jirriflettu żviluppi fl-ekonomija ta’ pajjiżna. Ir-rapport jilqa’ l-miżuri li qed jieħu l-gvern biex itejjeb l-affordabilità, inkluż fil-qasam tal-kiri.
Skont l-IMF, “the authorities’ focus on upgrading road infrastructure is appropriate”, u mistenni jtejjeb il-potenzjal ekonomiku tal-pajjiż. Fl-istess ħin, ir-rapport jenfasizza l-importanza tal-ħidma tal-Malta Enterprise u l-Malta Development Bank biex jingħata appoġġ akbar lil SMEs u l-innovazzjoni.
Dwar l-inklużjoni soċjali, ir-rapport jgħid li “the share of the population at risk of poverty is relatively stable and below the European average”. Fi studju dettaljat, l-IMF jinnota li “poverty risk has been dropping at the aggregate level in recent years” u li t-tnaqqis tal-faqar u titjib tal-inklużjoni soċjali kienu “important goals of the government over the last five years”.
Il-gvern jaqbel li, wara li pajjiżna kellu aċċelerazzjoni fit-tkabbir, il-momentum tar-riformi għandu jinżamm. Il-pass li jmiss hu li jsir l-investiment neċessarju għall-futur tal-ekonomija ta’ pajjizna. Huwa għalhekk li l-gvern ser ikompli jieħu miżuri biex itejjeb l-infrastruttura u r-riżorsi umani ta’ pajjiżna, u jkompli jaħdem biex il-ġid jasal dejjem aktar għand kulħadd.