Celebrating Music – A selection of good causes, ktieb li fih jiġbor parti minn patrimonju rikk ta’ orgnijiet li nsibu f’pajjiżna. Fil-fatt, f’Malta u Għawdex insibu mal-140 orgni li jmorru lura sas-seklu 16.
Dan il-ktieb ippubblikat minn Heritage Malta jiġbor fih 12-il proġett li saru permezz tal-Fond għall-Kawżi Ġusti, li mhux biss jagħti spjegazzjoni tar-restawr, iżda jixħet dawl fuq il-mekkaniżmu tal-istrument mużikali li nsibu f’diversi knejjes.
Waqt it-tnedija tal-ktieb li saret fil-Knisja Parrokkjali ddedikata lil San Ġużepp fl-Imsida, bl-orgni fl-isfond, Godwin Vella, li huwa nkarigat mill-pubblikazzjonijiet ta’ Heritage Malta spjega dwar l-importanza ta’ din il-pubblikazzjoni li tippreserva l-patrimonju kulturali.
“L-iskop tal-pubblikazzjoni kien biex jiddokumenta l-proċess u biex iqajjem kuxjenza, għarfien dwar l-importanza ta’ dan il-patrimonju. Huwa patrimonju rikk ħafna li jmur lura mijiet ta’ snin. F’Malta għandna patrimonju tal-orgnijiet kemm bħala firxa ta’ numru kif ukoll ta’ żmien għaliex imur lura ’l fuq minn 500 sena.”
Il-ktieb Celebrating Music jsegwi l-ewwel publikazzjoni Conserving Art, li fih jiġbor xogħlijiet li saru mill-Fond għall-Kawżi Ġusti.
Iċ-Charman tal-Fond għall-Kawżi Ġusti, Mario Cutajar qal li din il-publikazzjoni tmur lil hinn minn informazzjoni fuq ir-restawr, imma jidħol f’aktar dettall dwar l-istorja tal-orgni f’pajjiżna.
“Fil-ktieb ma ssibx biss kif sar ir-restawr ta’ dawn l-orgnijiet, għandek tnax-il orgni, tnax-il proġett, 8% tal-patrimonju nazzjonali fejn jidħol l-orgnijiet u mhux qed ngħidu biss l-istorja, mhux qed ngħidu biss x’sar bħala restawr, imma anke kif jaħdem orgni, l-iġgant tal-istrumenti mużikali li meta jitħaddem, minkejja l-kobor tiegħu joħroġ ħoss delikat li permezz tiegħu jkun qisu qed jimita orkestra sħiħa.”
Għat-tnedija attendew il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri u l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana.
Il-Ministru Schembri fakkar kif fl-aħħar snin dan il-fond investa mal-għaxar miljun ewro f’numru ta’ proġetti, filwaqt li l-Ministru Caruana saħaq li dawn il-proġett huma wkoll xhieda ta’ kontabilità ta’ fondi pubbliċi.