L-Iskola San Miguel ta’ Pembroke hija waħda speċjalizzata għat-tfal b’diżabilità u anke dawk li jbatu minn xi kundizzjonijiet. Iżda f’dawn l-aħħar snin it-terapija f’din l-iskola ħadet xejra differenti bl-introduzzjoni tal-użu tal-annimali fosthom il-fniek permezz ta’ proġett mill-‘Malta Rabbit Club’.
Studji juru li l-fniek flimkien ma’ diversi annimali oħra jistgħu jservu ta’ terapija għal tfal b’diżabilità jew dawk li jbatu minn xi kundizzjonijiet.
Kien għalhekk li ‘The Malta Rabbit Club’ nieda proġett permezz ta’ fondi pubbliċi sabiex bl-esperjenza tal-membri fit-trobbija tal-fniek u bil-fniek tagħhom, joffru servizz ta’ terapija lil diversi nies b’mod partikolari t-tfal.
Marica Gatt il-Kap tal-Iskola San Miguel li tispeċjalizza fil-qasam tat-tfal b’diżabilità qalet li f’dawn l-aħħar snin adottaw sistemi li regolarment it-tfal ikunu esposti għall-annimali differenti.
Bħalissa din l-iskola tilqa’ fiha tletin tifel u tifla fuq bażi full time filwaqt li sittin oħra fuq bażi part time.
Sharon Scerri; uffiċjal fil-Kumitat tal-‘Malta Rabbit Club’ qalet kif tul dawn l-aħħar snin, il-club kien impenjat idur bosta skejjel differenti fuq bażi volontarja.
Hija qalet li qabel jintużaw għat-terapija, il-fniek jingħataw taħriġ speċjalizzat sa minn mindu kienu żrameġ.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo żar waħda mis-sessjonijiet ta’ taħriġ permezz tal-fniek u faħħar din l-inizjattiva li qal li qed tkun ta’ benefiċċju għall-istudenti.