Ix-xogħol kollu tal-proġett tal-Junction tal-Marsa, huwa suġġett għal skrutinju kontinwu minn diversi periti, inġiniera, esperti mill-aġenzija Infrastruttura Malta, mill-kuntratturi tal-proġett, kif ukoll minn esperti oħra ta’ kumpanija internazzjonali, li kollha tqabbdu apposta sabiex jiċċertifikaw il-kwalità u s-sigurtà ta’ kull infrastruttura ġdida li qed tinħoloq.
Fi tweġiba parlamentari l-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg spjega kif dawn it-timijiet ta’ spetturi tax-xogħol qed isegwu kull ħidma biex jaraw li l-metodi u l-materjal użat għall-bini tal-proġett jkunu tal-aqwa kwalità u li jilħqu r-rekwiżiti tekniċi u l-livelli internazzjonali kollha applikabbli.
Il-Ministru saħaq kif l-esperti qed jiżguraw ukoll li x-xogħol isir bl-aktar mod sigur, kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-persuni li jgħixu jew jivvjaġġaw f’dawn l-inħawi.
“Minbarra testijiet fuq il-post, waqt u meta jitlesta x-xogħol qed isiru wkoll testijiet tal-materjali użati f’laboratorji differenti”, saħaq il-Ministru Borg fil-Parlament li spjega wkoll kif it-testijiet fuq l-istess materjali jsiru aktar minn darba, biex jiġi żgurat li r-riżultati jkunu konfermati għal aktar minn darba.
Dr Borg żied jgħid kif dan il-proġett ġie ddisinjat li jsir b’materjal u metodi li jiżguraw li l-istrutturi ewlenin tiegħu, fosthom il-flyovers, ikunu jistgħu jibqgħu jintużaw bl-inqas interventi ta’ tiswijiet u manutenzjoni possibbli, għal aktar minn 100 sena.
Dr Borg qal kif Infrastruttura Malta ser tkompli tesiġi li x-xogħol meħtieġ isir fl-inqas żmien possibbli u bl-ogħla livelli ta’ kwalità u sigurezza sabiex il-pubbliku jibda jgawdi minn dan it-titjib fir-rotta ewlenija lejn in-Nofsinhar ta’ Malta mill-aktar fis u bl-aqwa valur għal dan l-akbar investiment infrastrutturali f’pajjiżna.