Fl-2020, 756 persuna nqabdu jabbużaw mill-benefiċċji soċjali tant li kien hemm kważi €4 miljun fi ħlasijiet żejda.
Dan ħareġ fil-Parlament waqt li l-Ministru Michael Falzon kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari.
Fil-fatt, il-Ministru Falzon spjega li fl-2019 kien hemm 748 persuna li nqabdu jabbużaw mill-benefiċċji soċjali. B’hekk kienu qed jinħarġu €3,885,752 fi ħlasijiet żejda.
Fl-2020, il-Ministru Falzon spjega li ċ-ċifri ma varjawx ħafna hekk kif kienu 756 persuna li nqabbdu jabbużaw. Is-sena li għaddiet inħarġu €3,948,889 fi ħlasijiet żejda.
Dwar dan ONE News tkellem ma’ George Cremona li huwa d-Direttur għall-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza fi ħdan il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-tfal.
Huwa spjega kif il-flus li jiġu rkuprati jerġgħu jiġu investiti f’benefiċċji soċjali oħra: “Ġew iffrankati minnhom €2.5 miljun għal kull sena. Dan li jiġi ffrankat jerġa’ jiġi investit f’benefiċċji soċjali oħra bħal dik tal-allowances għad-diżabilità, bħal riforma li ntroduċejna wkoll tal-carers.”
Is-Sur Cremona spjega wkoll li jeżistu sistemi biex kull applikazzjoni għall-benefiċċji soċjali tiġi skrutinazzata.
Huwa sostna: “Kull applikazzjoni meta persuna tapplika għall-benefiċċji tat-test tal-mezzi jiġifieri bħall-għajnuna soċjali eċċ, kull applikazzjoni tiġi verifikata mal-informazzjoni kollha li għandu l-Gvern sabiex nassiguraw li l-informazzjoni li jkun ta l-applikant tkun konformi mal-liġi tas-sigurtà soċjali. Hemmhekk ikollna mal-5,000 applikazzjoni li kollha jiġu skrutinizzat.”
Tul is-sena, is-Sur Cremona qal ukoll li ntbagħtu mat-3,000 ittra sabiex jinnotifikaw bi ħlasijiet żejda li saru f’benefiċċji soċjali mhux mistħoqqa.
Minn dawn l-ittri, l-istess Dipartiment sa issa ġabar lura mat-€800,000.
B’kollox sa issa f’pajjiżna hawn madwar 6,800 persuna li huma fuq il-benefiċċji soċjali. Qabel l-2013 dan in-numru kien jammonta għal madwar 15,000 persuna.