Il-magażin ‘Flimkien’ se jerġa’ jibda jitqassam f’madwar 160,000 dar fil-format stampat u se jkun ukoll onlajn.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana, li matulha ngħataw dettalji dwar it-tnedija mill-ġdid tal-pubblikazzjoni.
Il-‘’Flimkien, li ilu jitqassam fid-djar u fil-parroċċi għal dawn l-aħħar 17-il sena, jinħareġ mill-Kulleġġ tal-Kappillani li huwa ffurmat mill-kappillani tal-parroċċi f’Malta.
Minn din il-ħarġa l-ġdida, minbarra l-verżjoni stampata, l-artikli bil-Malti u bl-Ingliż se jkunu qed jidhru wkoll fuq is-sit flimkien.mt u fuq il-Facebook, fejn il-qarrej se jkun jista’ jaqsam il-fehmiet tiegħu ma’ oħrajn.
Il-President tal-Kulleġġ tal-Kappillani, Dun Mario Mangion, qal li fl-eqqel tal-pandemija l-‘Flimkien’ ma baqax jiġi stampat u l-kappillani ħadu din l-okkażjoni sabiex jirrevedu l-iskop tal-pubblikazzjoni u l-mod kif tista’ tilħaq aktar nies, speċjalment lill-ġenerazzjoni żagħżugħa.
Nikol Baldacchino, l-editur il-ġdid tal-‘Flimkien’, tkellem dwar il-kontenut u kif permezz ta’ diversi artikli u kontributuri, il-‘Flimkien’ se jipprova jiskopri u jxerred dak li hu sabiħ f’pajjiżna. Se jippromwovi l-kultura Maltija, mhux biss dik reliġjuża, u se jkun ta’ għajnuna fl-isfidi li lkoll inħabbtu wiċċna magħhom.