Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK), li tirrappreżenta ‘l fuq minn 10,000 adult Malti u Għawdxi, iddikjarat ruħha assolutament kontra aktar teħid mill-art fejn il-kaċċaturi u n-nassaba għadhom jistgħu jipprattikaw il-kaċċa u l-insib.
Illum, ir-rappreżentanti tal-FKNK fuq il-Kumitat Ornis Malta, waqt il-laqgħa tal-istess Kumitat, irrifjutaw li jivvutaw biex il-ponta tal-Qawra tiżdied mall-ħafna postijiet oħra fejn ma tistgħax issir kaċċa, u wara li lissnu l-argumenti tagħhom, ħarġu l-barra mill-laqgħa bi protesta.
Fi stqarrija l-FKNK qalu:
“Din il-proposta, mingħajr ebda raġuni valida u ġustifikata, tressqet miċ-Ċermen tal-Kumitat, u kienet immedjatament appoġġjata mill-WBRU permezz tas-Segretarju tal-istess Kumitat. Din il-projbizzjoni tal-kaċċa mill-ponta tal-Qawra ssegwi deċiżjoni oħra simili rigward biċċa art oħra magħrufa bħala tas-Safra li ttieħded dan l-aħħar mingħajr ebda konsultazzjoni ma ħadd u mingħajr ma tressqet quddiem il-Kumitat Ornis.
Dawn l-artijiet issa jiżdiedu ma bosta oħrajn, mill-ftit art rurali li għad baqa’ ‘llum fil-gżejjer Maltin li saru miżgħewda b’erjas, ‘buffer-zones’ u distanzi minn toroq u postijiet oħra, santwarji, riżervi, ġonna pubbliċi, bajjiet u xtajtiet, u medded oħra ta’ art (total ta’ madwar 3,000 etteru) fejn il-kaċċa u l-insib huma projbiti.
Bosta minn dawn, is-Santwarji tal-Għadira u s-Simar; ir-Razzett tal-Bosk ġol-Buskett; Foresta 2000 u l-Irdum tal-Madonna fil-Mellieħa; l-Park ta’ Xrobb l-Għaġin inkluz l-erja fejn kien hemm l-istazzjon tad-Deutsche Welle u r-Riżerva ta’ Wied Għollieqa; iż-żona ġo Għajn Tuffieħa u r-Ramla f’Għawdex; il-Ballut; il-Park ta’ Marsaxlokk; ix-Xahra l-Ħamra jew il-Park tal-Majjistral; is-Salini, flimkien ma ‘spending money’ ta’ €150,000; eċċ., il-maġġor parti ta liema huwa pprojbit id-dħul għall-pubbliku, qegħdin fdati lill-BirdLife Malta u lill-allejati tagħhom fir-referendum abrogattiv li tilfu s-sena l-oħra, liema għaqdiet, jikkonsistu fi ftit individwi, anki barranin, ħafna mill-liema l-istess persuni u bosta mill-liema għadhom tfal.”