Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) qalet kif b’sodisfazzjon tinnota l-iskoperti riċenti f’Għar il-Latnija u tfaħħar l-isforzi tal-Universita’ ta’ Malta, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, u l-Istitut Max Planck tal-Ġeoantropoloġija għall-ħidma tagħhom biex jikxfu u jippreservaw din il-parti sinifikanti tal-wirt storiku ta’ Malta.
Hekk kif l-FKNK huma l-gwardjani taż-żona ta’ madwar Għar il-Latnija, qalu li jappoġġjaw u kkoperaw b’ mod attiv mal-awtoritajiet mill-2021, bil-kontribut tal-FKNK matul l-istadji bikrija tal-ħidma arkeoloġika kien jinkludi s-sigurta’ tas-sit u l-iżgurar li ż-żona tibqa’ mħarsa minn attivitajiet inkompatibbli. Dan kollu sar b’rispett sħiħ lejn il-kunfidenzjalita’ u s-sensittivita’ meħtieġa dak iż-żmien.
Għaldaqstant, il-FKNK tirrikonoxxi u tapprezza l-komunikazzjoni riċenti mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, li rrikonoxxiet ir-rwol kollaborattiv tal-FKNK u kkonfermat li l-FKNK se tkun impenjata bħala stakeholder f’konsultazzjonijiet li jmiss relatati mas-sit.
Qalu kif b’hekk, il-FKNK se tibqa’ impenjata favur il-ħarsien u l-promozzjoni kontinwa tal-wirt kulturali u naturali ta’ Malta permezz ta’ kollaborazzjoni kostruttiva mal-istituzzjonijiet nazzjonali.