Bewsa mingħajr tgħanniqa donnha warda mingħajr fwieħa. Bil-Maltin illum mhux biss jagħtu lil maħbubin tagħhom dik il-bewsa u tgħanniqa żejda iżda anke warda l-ġmiel tagħha li minn filgħodu sa filgħaxija f’Jum San Valentinu żżommilhom tbissima fuq fommhom.
Il-bejjiegħa tal-fjuri ma’ tlugħ ix-xemx sa nżulha jterrqu f’kull rokna ta’ Malta biex iwasslu l-bukketti li jwaslu messaġġ ta’ mħabba. Charmaine Darmanin li ilha taħdem f’dan il-qasam għal aktar minn tmintax-il sena stqarret magħna li l-fjura f’San Valentinu għadha popolari ferm, iżda mhux biss bejn il-maħbubin.
B’uħud jagħżlu dan il-jum biex jinżlu għarkupptejhom u jsaqsu dik il-mistoqsija li tbiddlilhom ħajjithom : Trid tiżżewiġni? B’Charmaine mhux l-ewwel darba li preparat bukkett tal-fjuri li f’nofsu jkun hemm iċ-ċurkett li fil-kamra joħloq emozzjoni liema bħalha.
Kellna wieħed morna f’restorant partikolari kienu qed jieklu mal-ħbieb kienet mejda kbira imbagħad tana ċ-ċurkett waħħalnieh fuq il-bukkett tal-fjuri u x’ħin ippreżentajnielha l-bukkett sabet iċ-ċurkett u l-messaġġ. U tista’ timmaġina dak il-ħin.
Il-bejjiegħa tal-fjuri jkunu ilhom ġimgħat jħejju għal dan il-jum. Charmaine qalet li l-klima Maltija m’hijiex waħda ideali għat-tkabbir tal-fjuri u għalhekk jinġiebu mill-Olanda u mill-Italja. Hija spjegat li wara kull bukkett hemm proċess twil li jibda mal-wasla tal-fjuri f’Malta sal-mument li jkun lest biex jinbiegħ.
Bil-bejgħ tal-fjuri ta’ kull sena qed jiżdied u għalhekk il-ħwienet tal-fjuri qegħdin dejjem jimportaw konsenji akbar u jserrħu moħħ dawk li jħallu għall-aħħar.