Bħal dan iż-żmien sentejn ilu f’pajjiżna infetħet l-ewwel birrerija artiġjanali f’pajjiżna, fil-gżira Għawdxija. Minn dak iż-żmien ‘l hawn sejra tajjeb, tant li kisbet ħames premijiet internazzjonali fi żmien daqshekk qasir.
Żorna l-birrerija Lord Chambray fix-Xewkija – post relattivament żgħir iżda miżmum b’kura kbira. Malli tidħol, jilaq bank fejn tista’ tara ingredjenti li minnhom issir il-birra. Hemm ħames tipi ta’ birra li Lord Chambray qed jagħmlu. Iżda ftit domna hemm sakemm skoprejna li hemm oħra, partikolari ħafna, li qed tinħema: birra magħmula mill-fjur tal-kappar Malti.
Samuele D’Imperio, sid il-post, jgħidilna b’ċertu sens ta’ kburija li dalwaqt se jniedu birra bl-isem ‘Flinders Rose’. Dan huwa isem fjur magħruf ukoll bħala Capparis Spinosa – ċioe il-fjur ta’ mal-kappar. F’dan il-każ se jkun kappar Għawdxi, u l-birra ġdida se jkun fiha maġġoranza ta’ ingredjenti mill-gżira Għawdxija – inkluż il-melħ tal-ilma baħar u kosbor.
Il-fjur tal-kappar, magħruf bħala Flander’s Rose
L-użu ta’ ingredjenti Maltin huwa wieħed mir-raġunijiet għaliex it-Taljan minn Milan għażel Għawdex. Apparti li jemmen bi sħiħ fil-vantaġġi tal-pożizzjoni ġeoloġika ta’ pajjiżna għall-esportazzjoni, jemmen ukoll li hawn potenzjal kbir fir-riżorsi uniċi tagħna, kemm dawk li toffri l-art, u kemm ir-riżors uman.
Huwa rari ħafna li birrerija jkollha esperti tagħha jaħdmulha. Il-kumpanija tħaddem ħames Taljani, lkoll esperti, gradwati għal darba, darbtejn f’suġġetti bħax-xjenza, u li ħadmu f’birreriji madwar id-dinja. D’Imperio innifsu huwa espert fl-accountancy. Flimkien jemmnu li l-poplu Malti għandhu x’jitgħallem dwar il-birra artiġjanali, u qed jorganizzaw avvenimenti b’dan il-għan. Għalkemm għall-bidu, kien hemm min kien xettiku ħafna mill-birra artiġjanali bħala togħma, ladarba draw l-irifnezza tagħha, ma riedux jafu b’birra oħra.
Tant hu qawwi s-suċċess ta’ Lord Chambray, li se jniedu birra ġdida sal-aħħar ta’ din is-sena, ukoll imnebbħa minn ingredjenti Għawdxin. Dawn il-birrer jesportawhom l-Italja, fejn f’April li għadda laħqu ftehim ma wieħed mill-ikbar distributuri tal-birra. Jesportaw ukoll lejn il-belt Ġermaniża Hamburg, u jekk kollox imur tajjeb, se jesportaw aktar lejn l-Ingilterra. Din il-ġimgħa, għall-ewwel darba, pajjiżna se jkun rappreżentat f’avveniment f’Londra. Malta se tissieħeb mal-Italja u teżebixxi flimkien mad-ditta Baladin, li hija l-aktar birra artiġjanali ta’ esperjenza fl-Italja.
Għal dan il-festival jattendu 60,000 persuna f’ġimgħa waħda biss. Iżda min għandu l-birra verament għal qalbu, m’għandux għalfejn imur Londa. D’Imperio qal li jkollu mill-inqas ħames emails kull ġimgħa ta’ turisti jitolbu li jmorru l-gżira Għawdxija speċifikament biex iżuru l-birrerija. Mhux hekk bissa, talli jkun hemm min jiġi pajjiżna għal jumejn biss, biex f’wieħed mill-jiem iżur Lord Chambray u jduq il-birra artiġjanali Maltija. D’Imperio jgħilina li l-fatt li tant qed jinġieb turiżmu lejn pajjiżna qed jgħin bi sħiħ sabiex jiżdied il-bejgħ u n-negozju jibqa’ għaddej.
Iżda tibqa’ tberren f’moħna l-mistoqsija; għaliex bniedem gradwat darbtejn fl-ekonomija għandu jieħu interess daqshekk qawwi fil-birra? “Xtaqt inbiddel ħajti” qerr magħna. U forsi qed ibiddel xi ftit il-mentalità tal-Maltin ukoll.
Il-kumpanija, li se tirdoppja l-ammont ta’ makkinajru biex iżżid l-esportazzjoni, tinsisti li tirrispetta l-ambjent. Taħdem b’mod li tirriċikla l-ilma u tuża ingredjenti naturali bħal enżimi, biex telimina batterji fil-birra. Pass importanti, meta wieħed iqis li biex toħroġ litru birra, trid għaxra ilma.
Ħriġna mill-birrerija għax-xemx taħraq t’Awwissu konvinti li mhux biss Samuele D’Imperio li biddel ħajtu hawn Malta, iżda anke dak il-bidwi Għawdxi li issa qed jiprofitta, dak l-aġent tal-bejgħ Malti li sab impjieg idur il-ħwienet, u dak l-Ingliż, Ġermaniż jew Taljan li daq il-birra Maltija u għall-ewwel darba sar jaf li teżisti gżira bl-isem ‘Għawdex’.
https://www.youtube.com/watch?v=nXdTSavJQCo