“Kellek ħajja x’tgħix iżda ntemmet ħesrem b’mod sfortunat. Kont ġuvni bi tbissima dejjem fuq fommok, ċajta dejjem lesta fil-but u ġuvni li kulħadd kien iħobb. Kont fil-fjur ta’ ħajtek u intemmet ħesrem.” Kienu bosta ħbieb li ħallew kliem ta’ dispjaċir u memorji wara li semgħu l-aħbar xokkanti dwar it-telfa ta’ Zack Meli. Ġuvni ta’ 24 sena li tilef ħajtu wara li qala’ daqqa ta’ ponn waqt argument ma’ ġuvni Bulgaru f’San Ġiljan kmieni dalgħodu.
Deskritt bħala ġuvni mimli ħajja, Zack kien maħbub ħafna fost sħabu b’bosta jfakkru l-memorji li kellhom miegħu f’jiem ta’ divertiment u mumenti sbieħ li issa spiċċaw biss memorji mnaqqxa f’moħħhom.
Fost mijiet ta’ kondoljanzi, kienu għexieren li xerrdu l-aħħar messaġġ taż-żagħżugħ Malti li tella’ l-aħħar fuq il-profil tiegħu b’ritratt bi kwotazzjoni tgħid;
“Aħna ninsabu hawn biss għal mument, u proprju f’dan il-mument irrid inħalli lili nnifsi ngawdi l-ħajja.” Kienet kwotazzjoni li ħalliet impatt fuq bosta li qrawha, b’uħud jikkummentaw kif ma jistgħux jemmnu li dan il-messaġġ kellu jkun wieħed mill-aħħar li tella’ Zack.