Matul dawn l-aħħar tmien snin ġiet iffrankata ammont rekord ta’ taxxa lil 27,000 persuna u li tlaħħaq l-€84 miljun.
Dan grazzi għall-iskema tal-First Time Buyers li ntroduċa Gvern Laburista u li permezz tagħha dawk l-individwi jew koppji li qatt ma xtraw proprjetà qabel, jevitaw li jħallsu taxxa tal-boll fuq l-ewwel €200,000.
Din il-miżura hija fost diversi li għenu lis-suq tal-proprjetà jkompli jilħaq rekord ta’ bejgħ sena wara oħra.
Il-gazzetta KullĦadd irrapportat li l-maġġoranza tax-xerrejja kienu żgħażagħ u ta’ kull sena kien hemm medja ta’ 3,400 xerrej filwaqt li kien hemm medja ta’ 2,500 kuntratt fis-sena li kienu eliġibbli għat-tnaqqis fit-taxxa tal-boll.
L-ewwel sentejn tal-miżura fis-seħħ kienu l-aktar snin li l-miżura rat benefiċċjarji.
Intant il-valur tal-proprjetajiet mixtrija żdied kull sena ħlief fl-2016 u l-2020.
Il-valur tal-proprjetajiet li nxtraw permezz tal-iskema jlaħħaq medja ta’ €426 fis-sena.
Minkejja dan, din is-sena, sa Settembru li għadda, diġà ntlaħaq l-ammont ta’ €493 miljun.
Apparti hekk, l-2015 kienet l-aktar sena b’xerrejja u kuntratti eżentati filwaqt li din is-sena mistennija tkun l-aktar sena li fiha ġew iffrankati taxxi permezz ta’ din l-iskema.
Is-sena 2020 ukoll irreġistrat rekord f’dan ir-rigward hekk kif ġew iffrankati €12,600,000.
Il-KullĦadd spjegat li fl-aħħar tmien snin, iċ-ċifri juru li dawk li jgawdu mill-iskema tal-First Time Buyers qegħdin jiffrankaw iżjed taxxa minn tmien snin ilu.
Fil-fatt fl-2014 ix-xerrej kien jiffranka medja ta’ darbtejn u nofs aktar mit-taxxa li suppost hija dovuta lill-istat. Filwaqt li din is-sena, ix-xerrejja se jiffrankaw kważi ħames darbiet iżjed minn dak li se jdaħħal il-Gvern minn fuq il-bejgħ tat-tali proprjetà.
Dan joħroġ biċ-ċar hekk kif din is-sena, sa Settembru li għadda, it-taxxa frankata fuq bejgħ eliġibbli qorbot il-€15-il miljun filwaqt li l-Gvern daħħal biss mat-€3 miljun.
Intant, f’Lulju li għadda ġiet emendata l-liġi biex tippermetti lil dawk il-persuni li jkunu xtraw garaxx mhux akbar minn 30 metru kwadru sabiex jikkwalifikaw għal din l-eżenzjoni.
L-iskema tal-First Time Buyers ser tkun qed tissaħħaħ b’miżuri oħra li tħabbru fil-budget għas-sena d-dieħla.