Għall-kuntrarju ta’ dak li qed jipprova jpinġi l-establishment tal-Partit Nazzjonalista, id-diviżjoni u l-firda għadha tiddomina ferm fid-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà.
Jixhdu dan sorsi interni stess fil-Partit Nazzjonalista u li tkellmu mal-gazzetta Kullħadd dwar ix-xkiel li kandidati Nazzjonalisti tal-fazzjoni ta’ Adrian Delia għadhom qed isibu.
Fil-fatt l-istess gazzetta spjegat kif dan reġa’ ħareġ biċ-ċar fl-elezzjoni tas-Sibt għal kandidat ġdid sabiex jikkontesta l-kariga fil-ġerarkija tal-gvernijiet reġjonali.
Dan hekk kif kif wara 12-il sena fit-tmexxija tar-Reġjun t’Għawdex issa Samuel Azzopardi se jkollu jċedi postu.
Is-sorsi tal-gazzetta Kullħadd spjegaw kif huma konvinti għall-aħħar li f’din l-elezzjoni sar blockvote ieħor kontra l-Eks Sindku tar-Rabat Għawdex.
Blockvote li warajh hemm idejn l-establishment hekk kif Azzopardi kien vuċi prominenti favur l-eks Kap Adrian Delia tant li kien jintbagħat fuq il-midja jiddefendi t-tmexxija tiegħu. Dan filwaqt li fl-istess ħin jattakka l-konġura mill-establishment l-antik u li llum il-ġurnata reġa’ ħa r-riedni fid-Dar Ċentrali.
Minkejja l-esperjenza fil-kariga, il-Partit Nazzjonalista ddeċieda li jikkontesta lil Azzopardi bi tliet kandidati oħra; l-Eks Sindku tar-Rabat Robert Tabone, is-Sindku attwali ta’ San Lawrenz Noel Formosa u l-Kunsillier tax-Xagħra Anthony Attard. Dawn kollha magħrufin li huma qrib id-Deputat Chris Said u l-Kap Bernard Grech.
Azzopardi kien fuq quddiem mal-ewwel għadd, iżda meta waqgħu Attard u Formosa l-wirt ivvantaġġja lil Tabone, indikazzjoni ċara li kienet ħadma mill-bidu sal-aħħar kontra l-President attwali tar-Reġjun t’Għawdex.
B’reazzjoni għal dan ir-riżultat Azzopardi tenna li l-ħidma tiegħu għal Għawdex tibqa’ l-għan prinċipali f’ħajtu. Dan minkejja l-isfidi kollha li din ir-rabta ġabet f’ħajtu u dawk kollha madwaru. Indikazzjoni ċara għal dawk l-isfidi kollha li sab ma wiċċu talli ma’ għażilx in-naħa tal-establishment.