F’temp sabiħ, it-tim tal-Fiorentina jinsab f’pajjiżna biex iħejji ruħu għal tornew trijangulari ta’ ħbiberija bl-isem The Visit Malta Tournament.
F’Ta’ Qali, it-tim Taljan fetaħ il-bibien għall-pubbliku u l-midja sabiex isegwu sessjoni ta’ taħriġ.
Ma’ tmiem is-sessjoni tkellem magħna l-captain tat-tim Marco Benassi fejn mal-ewwel irrefera għal Davide Astori – L-ex plejer u captain tal-Fiorentina li sfortunatament instab mejjet f’kamartu f’Marzu tas-sena li għaddiet u li kieku llum għalaq 32 sena.
Huwa tenna li l-ġurnata kienet tkun waħda ferm isbaħ li kieku seta’ jqassam il-ballun lil sieħbu Astori.
Spikka wkoll il-kumment tal-Kowċ Stefano Pioli fejn ma’ One News faħħar l-ospitalità tal-Maltin. Huwa faħħar ukoll il-faċilitajiet flimkien mal-klima mill-aqwa li nzertaw speċjalment meta mqbabbel mal-mewġa kbira ta’ kesħa li laqtet
Intant iktar kmieni llum il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi żar waħda mis-sessjonijiet ta’ taħriġ fejn tkellem ma’ ħafna mill-plejers u kowċis li kienu preżenti. Huwa ġie ppreżentat ukoll bil-flokk uffiċjali tat-tim.
Ma’ One News huwa stqarr li mill-Italja biss Malta tattira iktar minn 400,000 turist fis-sena u għaldaqstant il-preżenza ta’ timijiet kbar ikomplu jżidu ma’ riklam tajjeb għal pajjiżna.
Il-Ministru Konrad Mizzi qal li “Fl-Italja nattiraw aktar minn 400,00 turist fis-sena. Għaldaqstant meta jkollok timijiet kbar u kampjoni u kowżis mondjali bħal dawn li qed jippostjaw u jitfgħu is-selfies tagħhom fuq l-Internet ifisser advertising mill-aqwa għal pajjiżna.”
It-Tornew Visit Malta ser jittella nhar l-Erbgħa li ġej f’Ta’ Qali. L-ewwel logħba bejn Hibernians u Gżira United tibda fis-sitta neqsin kwart ta’ filgħaxija. Isegwu umbad Hibernians kontra Fiorentina u fl-aħħar il-Fiorentina jaffaċċjaw lil Gżira United.