Il-Gvern fil-Finlandja qed jappella lill-poplu tiegħu biex iqatta’ inqas ħin fis-sawna u jbaxxi t-temperaturi fid-djar, biex jiġi llimitat l-użu tal-enerġija f’dan il-pajjiż, li huwa fost l-aktar pajjiżi li jaraw kesħa fl-Ewropa.
Dan il-pajjiż jingħaqad ma’ ħafna pajjiżi oħra Ewropej li qed jaffaċċjaw problemi serji tal-provvista tal-enerġija.
Il-Finlandja hija fost il-pajjiżi li ntlaqtu mid-deċiżjoni tar-Russja li taqtagħlhom il-provvista tal-gass minħabba l-kunflitt tar-Russja mal-Punent, liema waqfien tal-provvista huwa r-raġuni wara ż-żieda qawwija fil-prezz tal-enerġija madwar l-Ewropa.
Il-Gvern Finlandiż se jtella’ kampanja għax-xitwa mmirata biex il-familji jnaqqsu l-użu tal-enerġija tagħhom.
Dan ifisser li l-Gvern se jkun qed jappella wkoll biex il-poplu Finlandiż inaqqas il-ħin mill-użu ta’ affarjiet elettroniċi, u jsuq b’inqas veloċità biex juża inqas petrol.
Il-Finlandja mhuwiex iżolat fl-impenn biex jonqos l-użu tal-enerġija minħabba l-prezzijiet għoljin.
Fil-fatt f’Lulju li għadda, permezz ta’ qbil fil-Kummissjoni Ewropea, il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea se jnaqqsu ħmistax fil-mija tal-użu tal-gass tagħhom. Malta ġiet eżentata minn dan il-qbil.
Intant, fir-Renju Unit, il-familji u n-negozji qed iħabbtu wiċċhom ma’ kontijiet tad-dawl għoljin, u l-eventwalità li l-provvista tad-dawl jinqata’ fix-xitwa, meta l-poplu Brittaniku jkollu bżonn l-enerġija biex isaħħan id-djar, qed tkun iktar reali.
Fil-fatt, ir-regolatur tal-enerġija għar-Renju Unit, Ofgem, qal li l-konsumaturi Brittanniċi f’Ottubru, se jkollhom iħallsu aktar minn €4,200 fis-sena f’kontijiet meta mqabbel mal-ftit inqas minn €2,000 li qed iħallsu bħalissa.
Dan ifisser, skont estimi, li sa Jannar li ġej, nofs il-popolazzjoni fir-Renju Unit se tħallas għaxra fil-mija tal-paga tagħha f’kontijiet tal-enerġija.