Hekk kif f’ pajjiżna kien hawn il-ministri tal-finanzi Ewropej għall-laqgħa tal-ECOFIN, kienet għaddeja wkoll konferenza Ewropea tac-chairpersons għall-affarijiet ekonomiċi u ambjentali, fejn ġew diskussa diversi oqsma ekonomiċi b’ rabta diretta mal-ambjent u t-tibdil fil-klima.
Din il-konferenza li għaliha attendew kumitati parlamentari mill-Ewropa kollha, ġiet indirizzata mic-chairperson tal-kumitat parlamentari għall-affarijiet ekonomiċi u finanzjari Silvio Schembri. Fid-diskors tiegħu waqt il-ftuħ ta’ din il-konferenza, Schembri tkellem dwar l-isfidi ekonomiċi li pajjiżi bħal Malta għandhom f’ dak li għandu x’ jaqsam mal-ambjent u t-tibdil fil-klima.
Huwa rrikonoxxa kif filwaqt li f’ pajjiżna wieħed seta jinnota progress ekonomiku b’ saħħtu f’ diversi setturi, riżultat ta’ pjanar finanzjarju strategiku fit-tul, dan jista jkun sostenibbli permezz t’ aktar investiment fil-ħarsien tal-ambjent u titjib tal-infrastruttura tagħna fost ohrajn.
Schembri qal li għalkemm kull pajjiż Ewropew kellu l-isfidi tiegħu f’ dan is-settur, il-prioritajiet huma kommuni għall ħafna pajjiżi Ewropej fejn enfasizza l-bżonn t’ aktar miżuri prattiċi li b’ mod dirett itejbu l-ambjent u l-kwalita’ tal-ħajja tan-nies.
“Il-Gvern Malti investa bil-kbir fil-qasam tal-enerġija sabiex jnaqqas l-emissjonijiet tossiċi b’ mod drastiku filwaqt li tintuża enerġija aktar nadifa. Għall pajjiżna dan qed ifisser mhux investiment finanzjarju biss, iżda fl-istess ħin qed neħolqu aktar opportunitajiet ta’ xogħol fil-qasam tal-energija u nidiversifikaw l-infrastruttura tagħna għall wahda aktar sigura u sostenibbli” temm jgħid Schembri.
Waqt din il-konferenza saru preżentazzjonijiet tekniċi oħra minn esperti fis-settur finanzjarju u ambjentali fejn fost l-oħrajn intervjenew Dr Philip Von Brockdorff, Kap tad-Dipartiment tal-Ekonomija fl-Universita’ ta’ Malta u Prof Simone Borg ambaxattur għal malta dwar it-tibdil fil-klima.