Waqt li komplew jiġu diskussi l-estimi finanzjarji b’rabta mal-Baġit għas-sena d-dieħla, il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, qal li l-finanzi ta’ pajjiżna qed jiġu amministrati b’mod sostenibbli u anke b’saħħtu.
Semma kummenti pożittivi li għaddew favur Malta saħansitra istituzzjonijiet internazzjonali, bħall-Fond Monetarju Internazzjonali, l-IMF, u l-Kummissjoni Ewropea, inkluż fejn jidħol il-qasam tal-enerġija.
Caruana semma li l-Gvern irid jassigura li l-ekonomija tkompli tikber biex tagħmel kwalunkwe ħaġ’oħra, sew jekk hux dejn, sew jekk hux imgħax jew defiċit, dan jagħmel il-mod kif inhi amministrata l-politika fiskali ta’ pajjiżna aktar sostenibbli.
Hawnhekk semma kif din hi waħda mill-akbar differenzi bejn il-Gvern Laburista u l-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
“Il-piż tal-imgħax hu ta’ mitejn u disgħa miljuni li jfisser li l-piż ta’ dak l-imgħax fuq id-dejn hu ta’ 1.1 fil-mija. Mela allura l-fatt li d-dejn żdied, però l-piż ta’ dak id-dejn, l-imgħax tiegħu mqabbel ma’ kemm kibret l-ekonomija, il-piż tiegħu naqas.”
Tkellem ukoll id-Deputat Laburista Omar Farrugia, li staqsa kif qatt wieħed jista’ jemmen lill-esponenti tal-Partit Nazzjonalista meta l-inqas ħaġa li setgħet tagħmel l-Oppożizzjoni hi li jkollha pre-budget document, imma anke dan baqa’ qatt ma wasal.
“Għadna sal-lum ma nafux kemm se jkun it-tkabbir ekonomiku li qed jgħidu li dawn se joħolqu minflok it-tkabbir ekonomiku bla preċedent li kellna fl-aħħar għaxar snin u x’se jagħmlu differenti minn dan il-Gvern, li kull ma jmur qed ikompli jattira investiment u start-ups ġodda lejn il-pajjiż kif għadna kif rajna l-ġimgħa li għaddiet f’Għawdex.”
Id-Deputat Laburista Alex Muscat qal li, bħala pajjiż, nistgħu nkomplu ngħollu l-livell ta’ pajjiżna u noħolqu ġid ġdid u li xogħol il-Gvern imbgħad ikun li jibqa’ jitwassal għand in-nies.
“Baġit li jkompli jimplimenta l-viżjoni li għandna għal pajjiżna biex Malta tibqa’ miexja ’l quddiem fl-għaxar snin li ġejjin u kemm ksibna s’issa, f’dawn l-għaxar snin. Il-Gvern jemmen li nistgħu nikbru aktar.”
Fid-diskors tiegħu, id-Deputat Laburista Carmelo Abela tenna li l-baġit hu wieħed favur in-nies u l-poplu kollu, biex Malta tkun verament ġusta.
“Dan hu baġit ta’ Gvern li qed ikompli jinvesti fin-nies, qed ikompli jwieżen lil min għandu bżonn l-aktar, qed ikompli jsaħħaħ il-pajjiż li jilqa’ għall-impatti li ġejjin minn barra u qed ikompli jara li Malta tkun ġusta.”