Iż-żewġ kandidati għal Kap tal-Partit Nazzjonalista għaddejin mill-proċess ta’ għarbiel magħruf bħala due diligence mill-Kummissjoni Elettorali Nazzjonalista.
Qed ikun rappurtat li Delia qed jistenna bil-ħerqa l-eżitu ta’ dan il-proċess, anki wara l-allegazzjoni li kellu fuq rasu u l-attakki dwar l-integrità tiegħu mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil.
Qabel kien sar Kap, Delia kien qala’ tumakka mill-predeċessur tiegħu nnifsu meta fuq l-għatba tal-istamperija talbu biex jirtira mit-tellieqa għall-Kap iżda osservaturi politiċi qed isostnu li kemm il-darba, issa Delia jgħaddi minn dan l-eżami allura se juża dan l-iżvilupp bħala karta b’saħħitha biex juri li l-attakki tal-fazzjoni Busuttil dwaru kienu għalxejn.
Min-naħa l-oħra, Bernard Grech qed idur lit-tesserati u jorganizza laqgħat anki jekk uffiċjalment għadha ma skattatx il-kampanja minħabba li għad irid jintemm il-proċess ta’ due diligence.
Dan kollu qed jurta lil fazzjoni Delia li qed titlob lill-fazzjoni l-oħra żżomm mar-regoli.
Min-naħa l-oħra, tal-fazzjoni Busuttil, kontinwament qed tfakkar lil ta’ Delia, li ż-żiemel tagħha għadu qed juża fondi tal-Partit Nazzjonalista biex jiġu iffinanzjati reklami ta’ kitbiet tiegħu fuq facebook.
“Ħataf il-flus tal-partit”, saħaq wieħed minn dawk li issa huwa wara Bernard Grech u li mexa għall-fazzjoni ta’ Simon Busuttil.
Dan id-diskors dwar il-flus tal-partit qed isir fl-isfond ta’ qagħda iżjed imwergħa tal-finanzi tal-Partit Nazzjonalista.
Fuq facebook, ċertu waħda Miriam Zammit kitbet b’reazzjoni għall-wegħda tal-Viċi Kap Robert Arrigo li jagħti elfejn u ħames mitt ewro lil kull każin Nazzjonalista.
“Il-ħaddiema tagħna naqqsulhom 10% mill-paga, meta se trodduhielhom lura?”, kitbet Zammit li esprimiet l-għadab tagħha u qalet li d-Dar Ċentrali nieżla biċċiet, fejn lifts u lanqas saħansitra air conditions ma jaħdmu u jinsabu weqfin.
“Hekk ġust, mitt ħaddiem, mitt familja b’xogħolhom mhedded u mwissijin li ġejja riċessjoni, imbagħad tajjartu mitt elf ewro, meta m’hemmx minn fejn tixtru l-kumitati. Istħu!”, qalet Zammit b’reazzjoni għal dak li qed jidher bħala bżar fl-għajnejn minn Arrigo biex Delia jsalva postu.
Intant wara li nhar it-Tnejn, ONE News ippubblika waħda mill-ewwel ċedoli li saru mill-Partit Nazzjonalista, ta’ Delia fakkru kif din l-iskema sigrieta nibtet mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, li issa tinsab wara Bernard Grech.
In-nies li jinsabu wara Bernard Grech huma l-arkitetti ta’ din l-iskema li bdiet fi żmien Simon Busuttil u fost oħrajn nies bħal Louis Galea, li ddefendew l-iskema taċ-ċedoli, issa qed ifasslu l-kampanja ta’ Bernard Grech.
L-iskema sigrieta taċ-ċedoli qed tiffinanzja l-miljuni ta’ dejn li għandu l-Partit Nazzjonalista.
Iċ-ċedola ppubblikata minn ONE News turi kif il-Partit Nazzjonalista ħa għaxart elef ewro mingħajr ma għadda mill-għarbiel tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti.
Sa issa l-Partit Nazzjonalista dejjem insista li ċ-ċedoli mhumiex ta’ interess pubbliku u minkejja li jippriedka tant fuq it-trasparenza u l-kontabilità, ma jridx jagħti dettalji ta’ min qed jagħti l-flus permezz ta’ din l-iskema sigrieta.